Paniku kbir qabad lil turisti li rrikorrew għall-midja soċjali biex jesprimu l-biża’ kbira tagħhom hekk kif jidher li cruise liners tagħhom telqu mill-Hawaii mingħajrhom.
Turisti Ingliżi qasmu mumenti terrifikanti meta ġew abbandunati minħabba twissija ta’ tsunami kawża tat-terremot ta’ qawwa ta’ 8.8 fuq l-Iskala Ritcher li dalgħodu seħħ ‘il barra mir-Russja. Dan it-terremot huwa l-akbar wieħed li seħħ fil-Paċifiku f’dawn l-aħħar 14-il sena.
Evakwazzjonijiet ġew ordnati fil-Hawaii, fil-Ġappun, fir-Russja, fil-Kolomba u parti mill-kosta tal-Punent tal-Istati Uniti. It-terremot qawwi mmens li seħħ ħdejn il-Peninsula Kammcatka fil-Lvant tar-Russja kkawża mewġ għoli 15-il pied tul il-Paċifiku.
Il-Ġappun jinsab fi stat għoli ta’ emerġenza hekk kif dan il-pajjiż ukoll jinsab f’riskju ta’ tsunami ta’ dan id-daqs inkwetani. Tant hemm biża’ li ħareġ ordni ta’ evakwazzjoni għal żewġ miljun persuna. Dan filwaqt li l-ewwel mewġ diġà laħaq Kalifornja u l-għargħar żdied fil-Hawaii.
Fuq TikTok, persuna xandret filmat ta’ nies jiġru b’mod frenetiku fil-portijiet biex jilħqu l-vapur tagħhom u kitbet: “POV: Tsunami fil-Hawaii u l-cruise liner tiegħek qiegħed jitlaq mingħajr il-passiġġieri”. Din il-mossa deskritta bħala “ġennata” qajmet paniku kbir fost passiġġieri maqbuda fil-Hawaii, żona li wkoll hija f’riskju għoli ta’ tsunami.