Saturday, December 21, 2024

George Clooney b’wieħed mill-aħjar films li dderieġa

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Box Office

It-teatri Amerikani kellhom tmiem il-ġimgħa batut u l-quċċata tal-box office ma rat ebda tibdil mill-ġimgħa l-oħra.

“Mean Girls” żamm il-post numru wieħed imma b’dħul ta’ $11.7 miljun.  

It-thriller ta’ Jason Statham, “The Beekeeper”, il-musical mimli fantasija “Wonka”, il-kummiedja romantika “Anyone but You” u l-film animat “Migration” okkupaw l-erba’ pożizzjonijiet l-oħra.

The Boys In The Boat

Għall-famużi Olimpjadai ta’ Berlin tal-1936, fi żmien il-Ġermanja Nażista, it-tim Amerikan tal-qdif kien magħmul minn studenti ġejjin mill-Universitá ta’ Washington.  Ewlieni kien l-istudent Joe Rantz.

“The Boys in the Boat” hu ispirat mil-ktieb non-fiction ta’ Daniel James Brown li kien ippubblikat fl-2013.  Id-direttur tal-film hu George Clooney.

L-attur Ingliż Callum Turner jiddomina l-film bil-preżenza tiegħu fil-parti ta’ Joe Rantz.  Ta’ 14-il sena, ġie abbandunat minn misiseru wara li ommu mietet.  Meta beda jinteressa ruħu fil-qdif tad-dgħajjes, dan għamlu biex jakkwista xi ħaġa tal-flus u jħallas l-istudji tiegħu għal inġinier.

Biex it-tim tal-Universitá ta’ Washington setgħu jipparteċipaw fl-Olimpjadi ta’ Belrin, huma l-ewwel kellhom joħorġu rebbieħa fuq kompetituri oħra Amerikani.

Id-direttur George Clooney għażel li jiżviluppa l-film fuq stil ta’ kif kienu jinħadmu l-films fis-snin imgħoddija.  Fi żmenijiet oħra, “The Boys in the Boat” kien ikun film li kważi ċerti li jkun innominat għall-Oscar.  Illum hu anqas kompetittiv.  Imma ċertament hu wieħed mill-aħjar films li dderieġa George Clooney.

“The Boys In The Boat” hu kklassifikat 12A minħabba li f’xi mumenti jintuża lingwaġġ mhux adattat.

Mean Girls

“Mean Girls” hu ispirat mir-rumanz ‘Queen Bees and Wannabes’ ta’ Rosalind Wiseman li kien ippubblikat fl-2002.  Diġa kellna verżjoni fiċ-ċinema ta’ din l-istorja.  Ħareġ 20 sena ilu b’Lindsay Lohan li dak iż-żmien kienet fl-aqwa tal-karriera tagħha qabel intrikbet mill-abbuż tad-droga.  

Fl-2018 ġie adattat għal musical fuq -Broadway u issa verżjoni għaċ-ċinema mibnija fuq dan il-musical.

In-narrattiva tesplora b’mod komiku l-pressjoni li l-klikkek jagħmlu fuq studenti oħra fl-iskejjel.

Fil-parti prinċipali ta’ Cady Heron, naraw lill-attriċi Awstraljana Angourie Rice.  Cady tkun ġiet l-Amerika wara li kienet tgħix l-Afrika, u ma ddumx ma tintebaħ li fl-iskola, l-istudenti mhux la kemm jaċċettaw lil xi ħaddieħor mhux mill-inħawi tagħhom.  

Cady teħodha bi sfida u tipprova tidħol fil-klikka magħrufa bħala The Plastics fejn il-Queen Bee hi Regina George (Reneé Rapp).

L-affarijiet jikkumplikaw irwieħhom meta titfa’ għajnejha fuq Aaron Samuels (Christopher Briney) li hu n-namrat ta’ Regina.

F’dan il-film, tidher ukoll Tina Fey fil-parti tal-għalliema tal-matematika Ms Norbury.  Fey dehret fl-istess parti anke fil-verżjoni tal-2004.  Kitbet ukoll l-iscreenplay taż-żewġ films. Żewġha Jeff Richmond kiteb il-librett tal-musical u ikkompona l-mużika għall-kanzunetti.  

“Mean Girls” hu klassifikat 12A minħabba referenzi ħfief għas-sess, il-lingwaġġ użat u diskriminazzjoni.

Ekonomija

Sport