Dalgħodu fil-Knisja Arċipretali ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi ngħata l-aħħar tislima George Coleiro li jiġi ħu l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.
Bi knisja ppakkajta bin-nies li marru jagħtuh l-aħħar tislima, fl-omelija tiegħu Fr Gordon Refalo – Kappillan tal-Parroċċa Madonna tal-Karmnu l-Gżira – qal li “George ma kellux qalb kbira… iżda kellu qalb enormi.”
Fr Refalo li ilu jafu lil George 40 sena minn meta kien soċu tal-Mużew u anke flimkien kienu jattendu laqgħat is-Seminarju. Iddeskriva lil George bħala bniedem ferrieħi, inteliġġenti ħafna u bniedem pożittiv.
Is-saċerdot sotna li George qatt ma beża’ jiddefendi l-kawża taż-żgħir fis-soċjetà. U minħabba li baqa’ jiddefendi l-kawża taż-żgħir bata ħafna.
Kompla jgħid li George kellu ħajtu li sofra ħafna tbatija, iżda fl-istess waqt kien ferħan. Kien hawn li s-saċerdot staqsa minn fejn ġab il-ferħ George? Hu qal li George għaraf li jekk ikunu magħqud ma’ Ġesù imsallab, it-tbatija tiegħu hija mezz li biha jista’ jtaffi t-tbatija tal-oħrajn.
Irrefera wkoll għal familja tiegħu fejn qal li George kellu xorti kbir li kellu familja b’qalb kbira. Għenuh f’kull mument ta’ ħajtu b’mod speċjali fl-aħħar snin ta’ ħajtu. Qal li l-familja ta’ George għamlet ġid kbir fis-soċjetà Maltija kif kien jagħmel hu wkoll.
“Min jaf kemm ta karità fis-silenzju … Min jaf kemm għaddew studenti minn taħt idejh fejn għallihom il-matematika, il-fiżika u anke r-Reliġjon, iżda ma’ dawn is-suġġetti għallem lill-istudenti tiegħu affarijiet li huma importanti fil-ħajja,” temm jgħid waqt l-omelija Fr Gordon Refalo.