Friday, November 15, 2024

ĠESTI SBIEĦ LIL HINN MILL-POŻI U R-RITRATTI

Aqra wkoll

Il-qabża kbira li saret fl-aħħar snin fejn tidħol il-parteċipazzjoni globali fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali ġabet magħha l-bżonn li dak li jkun jevalwa u jixtarr sewwa biex jiddistingwi bejn is-sensazzjonaliżmu u dawk li huma verament ġesti nobbli. Aqwa minn hekk ħafna drabi dawn tal-aħħar ftit li xejn issibhom jiċċirkolaw fuq il-midja jew jekk issibhom ikunu ġew imxerrdin minn individwi oħra li jkunu assistew għal ċertu mumenti li jeħtieġ jiġu rikonoxxuti.

Ftit li xejn pereżempju smajna b’Luigi u min jaf kemm tfal oħra li minn wara l-kwinti jgħinu u jagħtu s-sapport kollu meħtieġ lil persuni oħra li għal xi raġuni kieku mhux għall-ispalla li jsibu jistgħu jikkrollaw. Nemmnu li l-premju mogħti lil dan iż-żagħżugħ huwa wieħed meritat u li mhux se jibdel xejn mill-attitudni pożittiva tiegħu li ftit li xejn nisimgħu dwarha fuq il-midja. Sfortunatament nisimgħu n-naħa li xxeqleb fuq in-negattiv fejn jidħlu adoloxxenti u dawk li għal xi raġuni jispiċċaw quddiem il-Qorti biex tevalwa fejn dawn għal xi raġuni jkunu tilfu t-triq tas-sewwa.

Iżda nemmnu bis-sħiħ li Luigi bil-premju tiegħu qiegħed jissimbolizza lil tfal u żgħażagħ oħra li minkejja li ħafna drabi jispiċċaw saħansitra mwaqqgħin għaż-żufjett, jagħżlu t-triq tad-djalogu minflok il-konfrontazzjoni u l-imħabba minflok il-ġlied u t-tgħajjir. Nemmnu bis-sħiħ fil-kliem ta’ Patri Dijonisju Mintoff li f’dinja li donnha qed titlef rasha, għandna bżonn ta’ iktar tjubija lejn kulħadd u l-omm komuni tagħna d-dinja.
Insaħħu dan il-ħsieb b’referenza lejn is-sitwazzjoni frustranti tal-qtugħ tal-provvista tal-elettriku li filwaqt li dwarha ftit xi xejn hawn min qiegħed jersaq ’il quddiem biex jippreżenta xi forma ta’ soluzzjoni. Minflok kellna individwi li bl-aktar mod irresponsabbli ħaduha kontra ħaddiema li qegħdin ikollhom jaħdmu f’sitwazzjonijiet diffiċli ta’ sħana u billejl ’il bogħod mill-familja.

L-Oppożizzjoni għal darb’oħra ftit li xejn kienet utli bil-kummenti tagħha hekk kif dwar dan is-suġġett spiċċat biss titkaża u titlob kumpens meta ftit tax-xhur ilu l-istess Kap li jmexxiha xejn ma laqlaq rigward il-viżjoni tiegħu fejn jidħlu l-kontijiet u li għalih l-għajnuna fl-enerġija mhix sostenibbli u li l-gvern ma kellux jibqa’ jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija quddiem sfidi kbar internazzjonali.

Lil hinn mill-kuluri politiċi nemmnu però li dawn il-ħaddiema tal-Enemalta jixirqilhom kull rispett u li ċertament mhuwiex tort tagħhom dak li għaddej fil-pajjiż. Nistaqsu allura, kellha tkun proprju l-General Workers’ Union li ddoqq il-qanpiena li dawn nistgħu ngħinuhom b’xi tazza ilma friska biex jibdew ifeġġu l-kummenti u r-reazzjonijiet tas-Sammaritani li ftit wara l-istqarrija bdew itellgħu r-ritratti fuq il-midja soċjali? Kienet kumbinazzjoni li ċertu individwi ħatfu l-opportunità biex juru solidarjetà ma’ dawn il-ħaddiema?

Għalina kull ħaddiem jixraqlu li jkun trattat b’dinjità u f’soċjetà ideali dan jista’ jsir billi nkunu ta’ spalla għal xulxin. Nemmnu li tajjeb li s-soċjetà tirrikonoxxi s-sewwa u anke tippremjah, imma kemm tkun soċjetà ikbar jekk lil hinn mill-pożi u r-ritratti, nitrattaw lil xulxin aħjar u nkunu hemm għal xulxin b’mod speċjali fejn jidħlu l-anzjani tagħna u naraw li dawn qatt ma jitħallew fis-solitudni.

Ekonomija

Sport