Ġiet approvata policy speċifika li ser tippermetti lill-Awtorità tal-Ippjanar tevalwa u tiddeċiedi applikazzjonijiet ta’ żvilupp għall-faċilitajiet ta’ kremazzjoni indipendenti minn żvilupp ieħor. Il-policy tal-ippjanar u l-linji gwida ġodda li jappartjenu għal krematorji għandhom, fis-snin li ġejjin, inaqqsu pressjoni għall-estensjonijiet taċ-ċimiterji fuq medda twila ta’ żmien.
Il-kremazzjoni hija proċess fejn tintuża sħana qawwija biex il-fdalijiet ta’ persuna jsiru rmied, proċess li jista’ jieħu madwar sagħtejn. Il-proċess jinvolvi wkoll il-ħtieġa li d-depożizzjoni tal- irmied tiġi segwita b’mod dinjituż u rispettuż bħala parti essenzjali mill-proċess funebri. Sal- lum, il-Gżejjer Maltin m’għandhomx krematorju u metodi funebri bħal dawn iridu jseħħu barra minn xtutna bi spiża kbira għall-familja involuta.
Il-policy approvata tispeċifika li krematorju li mhux ser jifforma parti minn ċimiterju eżistenti jista’ jiġi kkunsidrat biss jekk ikun barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ) iżda sa 1 kilometru mill- konfini taż-Żona Urbana Prinċipali (PUA) għal Malta. Dan għandu jiżgura li l-krematorji jkunu fil-viċinanza tal-biċċa l-kbira tad-densità tal-popolazzjoni sabiex tillimita l-proliferazzjoni ta’ żvilupp fiż-żoni rurali.
F’Għawdex, krematorju għandu jkun lokalizzat madwar iż-żona tar-Rabat/Xewkija. Il-proposti kollha għal krematorji waħedhom jeħtieġu l-appoġġ mill-Awtoritajiet tas-Saħħa qabel ma jiġu kkunsidrati mill-Awtorità tal-Ippjanar. Ladarba dawn il-kriterji ewlenin jiġu sodisfatti, krematorju waħdu jiġi kkunsidrat biss jekk is-sit propost ikun post xieraq.
Fost siti oħra, dawn jinkludu Areas of Containment (AoCs) u siti li jinsabu f’ODZ li huma koperti minn permess ta’ żvilupp validu mhux relatat mal-agrikoltura, trobbija tal-annimali, u/jew żvilupp rurali ieħor.
Il-policy tidentifika numru ta’ siti fejn krematorji waħedhom proposti mhux ser ikunu permessi, pereżempju siti ta’ importanza ekoloġika, jew siti b’distanza ta’ anqas minn 300 metru minn sors għall-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, fost ħafna oħrajn.
Kull krematorju għandu jkollu l-parti ta’ quddiemu b’kejl superfiċjali ta’ mhux aktar minn 500 metru kwadru, maħsuba għall-ipparkjar tal-vetturi tal-mejtin u vetturi ċerimonjali; bini tal- faċilitajiet fuq ġewwa li ma jistax jaqbeż footprint ta’ 500 metri kwadru u għoli ta’ mhux aktar minn 7.7 metri; u spazju ta’ barra magħżul għat-tifrix tal-irmied bi ġnien tat-tifkira.
L-ispazji miftuħa u l-ġnien tat-tifkira għandhom ikunu mdawra b’mod xieraq bis-siġar, arbuxxelli u fjuri, u għandhom jipprovdu spazju funerarju dinjituż u uman b’passaġġi u karatteristiċi tal-ilma. Id-dawl għandu jinżamm għall-minimu possibbli.
Il-krematorji għandhom ikunu mgħammra bl-aqwa sistemi disponibbli ta’ teknoloġija ta’ filtrazzjoni u tnaqqis ta’ tniġġis għas-sodisfazzjon tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi u s- Supretendent tas-Saħħa Pubblika, u dawn għandhom jinżammu skont l-aqwa standards. Il- krematorji elettroniċi huma wkoll preferuti, peress li jnaqqsu l-carbon footprint u jistgħu jiġu kkumpensati b’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli installati fuq il-post.
F’każ ta’ waqfien tal-użu tal-krematorju għal perjodu kontinwu ta’ tliet snin, il-bini u l-istrutturi kollha għandhom jitwaqqgħu u jitneħħew bi spejjeż ta’ sid l-art/operatur, u s-sit kollu għandu jiġi riabilitat għall-istat oriġinali tiegħu.
Il-policy il-ġdida approvata għall-krematorji qiegħda fuq il-website tal-Awtorità www.pa.org.mt.