Wednesday, October 9, 2024

Esperti lokali u internazzjonali jiddiskutu l-Futur tal-Kura għall-Anzjani f’Malta

Aqra wkoll

Ġie organizzat seminar ‘Transforming Care for Older Adults in Malta’ dwar il-bidla fis-sistemi tal-kura għall-anzjani f’Malta. Dan l-avveniment, li kien organizzat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Persuni Anzjani b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, laqqa’ flimkien professjonisti u esperti lokali u barranin fil-qasam tal-kura għall-anzjani, inkluż dawk involuti f’oqsma tas-saħħa, teknoloġija, politika soċjali, kif ukoll rappreżentanti mis-soċjetà ċivili.

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela spjega kif il-kura f’kull ambitu dejjem qed tinbidel, dejjem qiegħda tiġġedded u timmoderniza. “Il-kura għall-anzjani ma rriduhiex tibqa’ lura  u għalhekk kommessi li nkomplu nimbuttaw din it-trasformazzjoni billi nitkellmu u niddiskutu mal-istakeholders kollha”.

“Il-gvern jifhem li kull deċiżjoni li tirrigwardja l-anzjani, l-anzjani stess għandhom ikunu nklużi f’dawn id-diskussjonijiet biex flimkien naraw li qed nwettqu ħidma li twassal għal titjib fil-ħajja tal-anzjani”, temm jgħid il-Ministru Abela.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea, tkellem dwar l-importanza li jkun hemm djalogu ma’ organizzazzjonijiet differenti tal-komunità biex jifhmu aħjar il-bżonnijiet speċifiċi tal-anzjani. “Biex intejbu l-kwalità tal-kura u nindirizzaw l-isfidi li l-anzjani jiffaċċjaw, huwa essenzjali li nisimgħu l-vuċijiet tagħhom u tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu direttament magħhom,” sostna Agius Galea.

Il-Kummissarju għall-Anzjani, Alex Attard, enfasizza l-importanza tal-innovazzjoni u t-teknoloġija fis-sistemi ta’ kura biex l-anzjani jkunu jistgħu jgħixu ħajja aktar indipendenti u sostenibbli.

Il-Professur Anne Hendry, esperta internazzjonali fil-kura integrata, tkellmet dwar kif is-sistema għandha tkun iffukata fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tal-popolazzjoni Maltija u tistinka lejn mudelli ġodda ta’ kura li jindirizzaw il-fraġilità u l-isfidi tal-età.

Matul il-konferenza, id-diversi stakeholders iddiskutew temi bħall-integrazzjoni tas-servizzi tas-saħħa u soċjali, il-kollaborazzjoni bejn setturi differenti, u l-potenzjal tat-teknoloġija biex ittejjeb il-kura għall-anzjani. Il-ħsieb ewlieni kien li tkompli tissaħħaħ is-sistema tal-kura f’Malta, biex tkun aktar sostenibbli u effettiva għall-isfidi tal-ġejjieni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport