L-Arabja Sawdija ddikjarat festa nazzjonali għal għada biex tiċċelebra r-rebħa inkredibbli tat-team nazzjonali fuq l-Arġentina bl-iskor ta’ 2-1 valida minn Grupp C tat-Tazza tad-Dinja.
L-impjegati kollha tas-settur pubbliku u privat u l-istudenti fl-Arabja Sawdija se jkollhom ġurnata ta’ mistrieħ grazzi għal din ir-rebħa li se tibqa’ mniżżla b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-football ta’ dan il-pajjiż.
L-istat tal-Golf bħalissa jinsab fil-51 post fir-rankings tad-dinja hekk kif lagħab kontra t-team li huwa meqjus minn fost il-favoriti li jirbħu dan it-tournament.
Wara din ir-rebħa, il-partitarji tas-Sawdi ġew iffilmjati jwettqu ċelebrazzjoni tal-’SIU’ stil Cristiano Ronaldo hekk kif ħarġu mill-istadium jgħixu ħolma ta’ ħajjithom li kienu għadhom lanqas riedu jemmnu b’dawk li raw quddiemhom.
U proprju għada s-Sawdi jistgħu jkomplu biċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom hekk kif ir-Re Salman approva l-pjani biex l-impjegati u l-istudenti kollha jingħataw btala nazzjonali.