Wednesday, December 25, 2024

“GĦADA JIBDA L-UNIKU SURVEY LI JGĦODD”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru jtenni dwar l-importanza li kulħadd jixħet il-vot tiegħu

F’diskors b’saħħtu mill-Fgura, il-Prim Ministru Robert Abela qal li minn għada jibdew jinxteħtu l-ewwel voti u jibda l-uniku survey li jgħodd. Abela qal li sal-ġurnata tal-elezzjoni jeħtieġ li l-poplu jibqa’ jiffoka fuq għaliex il-pjan tal-Partit Laburista huwa pjan li jħalli pajjiż aħjar għal uliedna.

Il-Prim Ministru tkellem dwar kif hawn min qiegħed jipprova l-impressjoni li qisu din xi elezzjoni lesta u li qisu bilfors se jirbaħ il-Partit Laburista. “Ara ma naqgħux għal din il-lixka. S’issa għadna xejn b’xejn”, tenna Abela.

Tkellem dwar kif waqt li xi persuni jista’ jkun li qegħdin jaqgħu għal din il-lixka billi jiddeċiedu li jibqgħu d-dar, ħaddieħor sejjer jivvota biex jerġa’ jieħu lura l-poter. Kompla biex jgħid li jekk l-istess uċuħ taħt il-kappa ta’ Bernard Grech jingħataw il-fiduċja se jkomplu bl-arroganza li kellhom meta rebħu b’distakk ferm iżgħar minn dak tal-aħħar rebħiet Laburisti.

Il-Prim Ministru sostna li fil-mument tal-isfidi, gvern Laburista ħoloq bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija u għalhekk talab lil dawk preżenti biex jimmaġinaw x’kapaċi jagħmel gvern ġdid Laburista jekk jingħata l-mandat.

Huwa kompla biex jispjega li b’din il-fiduċja, gvern Laburista għandu pjan ċar ħafna ta’ fejn irid jieħu lil pajjiżna. Spjega dwar l-akbar proġett ambjentali fl-istorja ta’ pajjiżna, żieda fil-pensjonijiet għall-pensjonanti kollha, tnaqqis fit-taxxi u għajnuna lill-First Time Buyers fost elf proposta ppreżentati mill-Partit Laburista.

Tkellem dwar l-investiment li sar fit-tieni distrett f’dawn l-aħħar snin u tenna l-impenn li jsir aktar. Rigward xogħol ta’ investiment li għaddej fir-raba’ distrett, Abela qal li sal-aħħar ta’ din is-sena jinfetaħ il-Poala Health Hub, il-bini ta’ kumpless ġdid ta’ futbol u rugby f’Raħal Ġdid u ż-żona li fuqu qiegħed jinbena dan il-kumpless se tinbidel f’ċentru sportiv tal-għola standard. “Ħaddieħor minn miżbla kien jagħmel oħra, u oħra u oħra, għax ma kellhomx pjan”, żied jgħid Abela.

Huwa tenna l-appell tiegħu biex f’kull jum li fadal aktar nies jikkonvinċu oħrajn biex imorru u jivvutaw lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista. “Iva il-futur f’idejkom. Ejjew nibqgħu ottimisti. Għandna biex għax dan il-pajjiż mimli bil-potenzjal”, temm jgħid Abela.

Ekonomija

Sport