Saturday, December 21, 2024

Għada jinstema’ l-każ ta’ Arsema quddiem Qorti Ingliża

Mistennija jibdew il-proċeduri biex tinġieb lura t-tifla li nħarġet illegalment minn Malta

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Qorti Ingliża għada mistennija tisma’ b’urġenza l-każ ta’ Arsema, it-tifla li l-Qorti Maltija ddikjarat li f’Ottubru tal-2020 inħarġet illegalment mill-omm bijoloġika tagħha. L-aħbar li din it-tifla ta’ seba’ snin instabet ingħatat is-Sibt li għadda mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon. 

Fid-dettalji li ta, il-Ministru Falzon qal li l-minuri ġiet interċettata  fl-Ingilterra u li bħalissa tinsab fil-kura tal-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż. “Illum, fil-Jum Dinji tat-Tfal, bi pjaċir inħabbar li t-tifla nstabet u l-ġimgħa d-dieħla se jinbdew proċeduri biex tirritorna Malta,” spjega Falzon. Huwa qal li dan huwa pass importanti li kiseb il-Ministeru tiegħu bl-għajnuna tal-Pulizija u l-ħaddiema soċjali.

Il-każ ta’ ħtif ta’ din it-tifla kien ħareġ fil-midja bħala appell biex tinstab din it-tifla u f’Novembru tas-sena l-oħra saret anke viġilja l-Birgu. Minħabba n-natura delikata tal-każ, il-midja kienet intalbet biex ma tirrapportax tagħrif u aġġornamenti dwar Arsema u dan bil-għan li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jinterċettawha b’mod sigur u jirritornawha f’pajjiżna bi proċeduri legali kif suppost.

Arsema kienet taħt ordni ta’ ħarsien maħruġ mill-Qorti Maltija meta l-familja foster tagħha rrapportaw li t-tifla ma rritornatx minn weekend mal-omm bijoloġika tagħha. Din tal-aħħar kienet ingħatat aċċess ma’ bintha mingħajr superviżjoni. 

Il-familja foster kienet fid-dlam dwar fejn hija din it-tifla u barra li kienu inkwetati għall-benesseri tagħha, dawn ħassu bi kbir in-nuqqas taċ-ċkejkna. Arsema kienet ilha tgħix mal-familja foster tagħha minn mindu kienet għadha daqsxejn ta’ tarbija ta’ sitt xhur. 

Mal-aħbar li t-tifla finalment instabet, dan is-sit għamel kuntatt mal-omm foster li min-naħa tagħha qaltilna li fiċ-ċirkostanzi preżenti jkun aħjar li ma tagħtix kummenti u tħalli l-awtoritajiet jaħdmu.

Ekonomija

Sport