Għada t‑Tlieta, 22 ta’ April 2025, l‑Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra quddiesa De Requiem għall‑Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fis‑6:30pm fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta, wara li kmieni dalgħodu mar lura fid‑dar tal‑Missier fl‑età ta’ 88 sena.
Kulħadd mistieden jattendi għal din iċ‑ċelebrazzjoni sabiex il‑Mulej jilqa’ lill‑Papa Franġisku fi ħdanu u jagħtih il‑milja tal‑paċi, tal‑imħabba u tal‑ferħ miegħu fis‑sema. Is‑saċerdoti djoċesani u reliġjużi huma mistiedna wkoll jikkonċelebraw f’din il‑quddiesa. Il‑quddiesa se tixxandar fuq TVM+, Knisja.mt u Newsbook Malta.
F’isem il‑Knisja f’Malta, l‑Arċisqof Charles Scicluna qal: “Hekk kif il-Knisja Kattolika bħalissa qed tiċċelebra l-qawmien mill-imwiet ta’ Sidna Ġesù Kristu, għandna nafdaw ir-ruħ tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku f’idejn il-ħniena ta’ Alla. Lill-Papa għandna nibqgħu niftakruh bħala l-missjunarju kbir tal-ħniena tal-Mulej għaliex il-pastorali tiegħu dejjem kienet li jkun viċin dawk li għandhom bżonn il-ħniena ta’ Alla”.
Mil‑lum sa nhar il‑funeral tal‑Qdusija Tiegħu, il‑knejjes kollha f’Malta se jdoqqu l‑qniepen b’tislima u ringrazzjament għas‑servizz li l‑Papa Franġisku ta lil Kristu, lill‑Knisja Kattolika u lill‑umanità kollha.
Minn għada, se jkun hemm ktieb ta’ kondoljanzi fin‑Nunzjatura Appostolika għal Malta f’Tal‑Virtù r‑Rabat.