Sunday, May 5, 2024

Għaddej ġmielu x-xogħol fuq il-ġnien formali bħala parti mill-Malta National Park

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar ix-xogħlijiet li għaddejin bħalissa fil-ġnien formali, sezzjoni oħra li tagħmel parti mill-Malta National Park, l-akbar proġett ambjentali b’investiment ta’ €20 miljun.

“Il-ġnien formali, kif inhu magħruf ma’ ħafna, se jkun attrazzjoni oħra li fih se jinkorpora diversi kunċetti li permezz tagħhom se naraw li nilħqu l-gosti ta’ bosta nies. Hekk kif il-proġett kollu b’mod ħolistiku huwa wirja tal-viżjoni ta’ gvern ambjentali, din is-sezzjoni tal-ġnien formali se tkun ċentru ta’ kultura għal dawk li għandhom għal qalbhom il-mużika u anke l-arti”, qal il-Ministru Ian Borg.

Il-ġnien formali se jkun qed joffri bosta attrazzjonijiet kulturali fosthom it-Teatru Grieg u spazju li se jkun riservat apposta għal esebizzjonijiet ta’ xogħlijiet artistiċi. Apparti hekk se jkun mgħammar bi kjosks u faċilitajiet sanitarji.

Il-Ministru Borg fakkar li kif il-proġett kollu se jkun qed jissebbaħ permezz ta’ 80,000 siġra ġdida, din is-sezzjoni wkoll se tkun qed toffri spazju ħadrani b’bosta siġar. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha b’mod speċjali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li qed jaħdmu sabiex jagħmlu din il-ħolma nazzjonali realtà.

Xi xogħlijiet infrastrutturali oħra f’din is-sezzjoni jinkludu tliet substations, żewġ ġwiebi għall-ħażna tal-ilma tax-xita li jintuża għat-tisqija ta’ din iż-żona, sistema ġdida tad-drenaġġ, pavimentar ġdid, u restawr tal-portiku u l-funtana.

Sport