Wednesday, July 24, 2024

Għaddej il-proċess ta’ applikazzjoni għal permess għal ħolqien ta’ ġnien ġdid fil-Mellieħa

Aqra wkoll

Bħalissa għaddej il-proċess mal-Awtorità għall-Ippjanar dwar il-permessi neċessarji għall-ħolqien ta’ ġnien ġdid fil-Mellieħa, fi Triq il-Għasel. Mifrux fuq spazju ta’ madwar 2,000 metru kwadru, il-Ġnien fi Triq il-Għasel huwa wieħed minn 16-il proġett li qed isiru fuq proposta tal-kunsilli lokali, bl-appoġġ finanzjarju ta’ Project Green.

Waqt żjara fuq is-sit fejn ħa jkun qed isir dan il-proġett, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa flimkien ma’ Project Green taw spjega lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli dwar dak li se jkun qed isir. Il-ġnien se jkun fih spazji ta’ rilassament b’siġar indiġeni biex jiżdied d-dell, żoni tal-logħob għat-tfal, żona li se sservi bħala workshop edukattiv u żona oħra għad-dakkara. Parti mix-xogħlijiet jinkludu r-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ mad-dawra tal-ġnien. Għas-sostenibbiltà ta’ dan l-ispazju miftuħ, se jitwaħħal dawl li jaħdem bl-enerġija mix-xemx u se jsir ġibjun għat-tisqija tal-ġnien. Il-materjal tal-art se jkun permeabbli sabiex l-ilma tax-xita jibqa’ nieżel u jinġabar ġol-ġibjun.

“Dan l-ispazju l-ġdid fil-Mellieħa se jkun wieħed minn għadd ta’ proġetti li għalihom iddedikajna €10 miljun. Tajna prijorità lil dawk il-proġetti li jintegraw mal-komunità u l-karatteristiċi taż-żona, u rajna li jkun fihom elementi edukattivi u sportivi. Fil-fatt, dan huwa wieħed mill-ġonna li jħaddan il-kunċett ta’ nature based learning, fejn il-ġnien jista’ jintuża’ mill-iskejjel,” spjegat il-ministru.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Project Green Joseph Cuschieri qal li, “Il-Community Greening Grant huwa eżempju ċar ta’ kif Project Green qiegħda taħdem bis-sħiħ ma’ kunsilli lokali u għaqdiet nongovernattivi biex flimkien jinħolqu spazji miftuħa ġodda qrib id-djar tan-nies. Għaddej ħafna xogħol bħalissa u apparti dan il-proġett fil-Mellieħa, numru minn dawn il-proġetti diġà mexjin ġmielhom, fosthom il-proġett tal-Fruit Forest fl-Imtarfa, dak ta’ Għajnsielem f’Għawdex u l-picnic site f’Ħal-Għaxaq.”

Is-Sindku tal-Mellieħa Dario Vella spjega li wara li l-kunsill lokali issottometta l-pjanijiet lill-Awtorità għall-Ippjanar, bħalissa għaddej il-proċess sabiex joħorġu l-permessi neċessarji, biex b’hekk ikun jista’ jingħata bidu għax-xogħol fiżiku fuq il-ġnien.

“Grazzi għal ftehim bejn Project Green u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, art abbandunata se tinbidel fi spazju miftuħ għall-familji kollha. Spazju fejn wieħed jista’ jirrilassa mal-familja tiegħu. Dan il-ġnien se jkollu wkoll żona edukattiva għall-kampanji edukattivi għall-komunità u tliet ġwiebi biex bl-ilma li jinġabar jissaqqew is-siġar tal-ġnien stess minnhom. Se jkun spazju li verament jilħaq lill-familja kollha. Permezz ta’ dan il-proġett il-kunsill flimkien ma’ Project Green se nkunu qed nwettqu wieħed mill-akbar proġetti li qatt saru fil-Mellieħa,” qal is-Sindku Dario Vella.

L-investiment f’dan il-proġett huwa mistenni li jiżboq iż-€2 miljun.

Ekonomija

Sport