Wednesday, July 24, 2024

TEMP IMĦARBAT

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

It-tħarbit fil-fasla tat-temp f’ħafna inħawi differenti tad-dinja jidher li qed jikkonvinċi dejjem aktar nies li l-bidla fil-klima li ilha tissemma hi realtà perikoluża. Hemm ħafna anqas kontestazzjoni tagħha u aktar qbil dwar il-bżonn li dwarha tittieħed azzjoni effettiva. 

In-nuqqas ta’ qbil illum jissensel l-aktar dwar kif għandha tittieħed din l-azzjoni: min se jwettaq l-akbar bidliet fil-mod ta’ għajxien, min se jiċċaħħad l-aktar minn riżorsi li dara juża u min se jħallas l-aktar spejjeż għolja waqt li l-azzjoni titwettaq.

Ħafna snin ilu, theddida ambjentali simili għat-tisħin tal-klima kienet dik li biha s-saff ta’ ożonju li jdawwar il-globu kien qed jittaqqab, mid-dehra għax kienu qed jintużaw bil-wisq ċerti kimiċi.

Huma kienu qed idgħajfu għall-aħħar il-protezzjoni mir-radjazzjoni tax-xemx. Bil-mod il-mod bdew jittieħdu miżuri biex jilqgħu għal dal-periklu. Naħseb li rnexxew, għax ftit għadna nisimgħu b’dil-problema llum. Jekk tassew dakinhar il-miżuri rnexxew, dan għandu jqanqal fehma li anke għat-temp imħarbat tal-lum, l-umanità tista’ ssib soluzzjoni xierqa.

IL-LEMIN ESTREM

Hekk kif il-kampanja elettorali għall-Parlament Ewropew tersaq lejn tmiemha, fuq livell Ewropew l-akbar kuntrasti tqajmu dwar kemm se jirnexxilhom jagħmlu progress il-partiti tal-lemin estrem.

Apparti l-problemi mhux mistennija imma serji li ffaċċja l-partit AfD fil-Ġermanja li kien mistenni jagħmel avvanz kbir imma issa jidher li qed jaqta’ nifsu sew,  f’ħafna pajjiżi – mill-Italja sal-Portugall sad-Danimarka u l-Isvezja, jintqal li l-estremisti tal-lemin kkonsolidaw l-elettorat tagħhom u baqgħu jżiduh.

Il-problema (għalihom) hi li mhumiex magħqudin f’ponn wieħed. Kważi kullimkien, issib żewġ partiti jekk mhux aktar. U ma jaqblux bejniethom, ġieli bil-kbir. Hemm probabbiltà li l-firda bejniethom tikber, mhux tonqos.

SUPERMARKETS

Wara li Spanja u l-Portugall daħlu membri fl-Unjoni Ewropea, ġie f’idi rapport (mingħalija tal-Fond Monetarju Internazzjonali) li analizza l-iżvilupp tal-investimenti diretti minn barra li saru ġol-ekonomiji tagħhom matul l-ewwel snin tas-sħubija. Niftakarni nistagħġeb kif l-aqwa investimenti Ewropej fihom ma kinux f’impjanti industrijali jew turistiċi imma f’supermarkets, u bil-kbir.

Nerġa’ niftakar f’dak l-istudju kull meta – kif ta’ spiss jiġri – toħroġ xi aħbar dwar li f’Malta tressaq xi proġett ieħor għal supermarket ġdid (ta’ spiss ukoll fuq art ODZ). Bħal fil-pajjiżi Iberiċi, hawn ukoll mas-sħubija fl-Unjoni Ewropea l-investiment minn barra fis-supermarkets għamel suċċess kbir, għalkemm sa dak iż-żmien fostna kellna diġà xi investiment jew tnejn kbar f’dat-tip ta’ negozju.

Is-suċċess li kisbu l-“ġodda” mill-Ewropa qanqal kif dejjem jiġri l-interess tan-negozjanti Maltin biex jikkopjaw. Illum is-supermarkets saru jitqiesu fost l-aktar proġetti li jistgħu jirnexxu. Kemm se jdumu jitqiesu b’dal-mod?

Ekonomija

Sport