Wednesday, June 10, 2026

Il-Kabinett awtorizza lill-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela biex ikompli jagħmel numru limitat ta’ operazzjonijiet

Aqra wkoll

Il-Kabinett awtorizza lill-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela biex ikompli jagħmel numru limitat ta’ operazzjonijiet fis-Servizz tas-Saħħa Pubblika biss u mingħajr ħlas. Dan l-arranġament huwa l-istess bħal dak approvat mill-Kabinett fil-leġiżlatura li għaddiet.

Fi stqarrija l-Kabinett qal li jqies li l-kompetenzi tal-kirurgu Jo Etienne Abela għadhom neċessarji fis-Servizz tas-Saħħa Pubblika, kemm għall-ħtiġijiet tal-pazjenti b’kundizzjonijiet tas-saħħa serji u anke għat-taħriġ ta’ professjonisti mediċi ġodda. L-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Ministru Abela tirreferi għal numru limitat ta’ sigħat li jiġu ddeterminati mill-esiġenzi mediċi.

Il-Kabinett awtorizza wkoll lis-Segretarju Parlamentari t-Tabib Deo Debattista sabiex ikun jista’ jibqa’ jsegwi numru ta’ pazjenti b’kundizzjonijiet tas-saħħa serji minn ġewwa San Vinċenz de Paul. Dan is-servizz se jingħata bla ħlas u għal numru limitat ta’ sigħat.

Il-Kabinett wasal għal dawn id-deċiżjonijiet fuq bażi tal-artiklu 7.2 tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri. Iż-żewġ individwi kkonċernati ntalbu joħorġu mil-laqgħa waqt li kienu qed jiġu diskussi dawn il-kwistjonijiet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport