Nhar il-Ħadd 6 ta’ Diċembru, Heritage Malta se torganizza l-attività Christmas at the Museum fil-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali fl-Imdina, bejn il-11:00 ta’ filgħodu u t-8:00 ta’ filgħaxija.
Il-programm se jinkludi laqgħat ma’ Santa Klaws, tpinġija tal-uċuħ għat-tfal, workshops ta’ dekorazzjoni tal-gallettini u ornamenti tal-Milied, kif ukoll mużika live minn X-Tend, Vince Fabri u Angie Cacciattolo.
Il-viżitaturi se jkollhom ukoll l-opportunità jesploraw il-kollezzjonijiet tal-mużew, fosthom kukkudrill immummifikat ta’ 4,000 sena u fossili preistoriċi, kif ukoll il-wirja l-ġdida Dinja Aljena.
L-attività se ssir taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, b’appoġġ għall-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCF).
Id-dħul se jkun bla ħlas, iżda l-pubbliku huwa mħeġġeġ jagħti donazzjoni b’risq l-MCCF.
