Rapport dettaljat ippubblikat fil-websajt Amerikana, CNN, jitkellem dwar kif allegat każ ta’ fastidju sesswali fil-football tan-nisa ġibed l-attenzjoni nazzjonali fl-Arġentina.
Dan li ġej huwa silta minn dan ir-rapport li elenka d-dettalji kollha ta’ din l-allegata ġrajja sfortunata …
Florencia Mercau, li minn dejjem kienet tilgħab għal River Plate, kienet ferħana meta fl-2014 ġiet magħżula biex tingħaqad mal-club li kienet ilha tammira minn tfulitha.
Għat-tfajla minn familja fqira fil-provinċja ta’ San Juan, din kienet ħolma li saret realtà. Madankollu, ftit wara li waslet fi Buenos Aires, hija qalet li bdiet tesperjenza minn allegat abbuż minn Diego Guacci, il-coach li dak iż-żmien kien qed jaħdem mat-team tan-nisa ta’ River Plate.
Mercau, li kellha 20 sena, allegat li Guacci bagħtilha messaġġ fejn talabha tibgħatlu ritratti għarwiena. Hija qalet li ħassret il-messaġġi u rrifjutat l-avvanzi tiegħu, iżda l-imġiba tiegħu kompliet tiggrava. Skont Mercau, il-coach kien jaqbadha minn wara waqt it-taħriġ u jheddidha, inkluż li jagħmel ħsara lilha u lill-familja tagħha jekk ma tħassarx il-konversazzjonijiet.
Hija qalet li kienet tibża’ tgħid lil ommha, għax bdiet temmen li kienet hi li qed tagħmel xi ħaġa ħażina. L-esperjenza ħallietha trawmatizzata u, f’mument ta’ disperazzjoni, ippruvat tagħmel suwiċidju. Mercau għadha ħajja u llum, 32 sena, hija waħda minn ħames players Arġentini li ressqu ilment ġdid quddiem il-FIFA kontra Guacci, fejn qed jakkużawh b’imġiba mhux xierqa, fastidju sesswali, theddid u abbuż psikoloġiku.
IL-FIFA TIĠI INFORMATA BIL-KAŻ
Din mhijiex l-ewwel darba li l-FIFA ġiet infurmata dwar allegazzjonijiet kontra Guacci. Fl-2020 u fl-2021, ħames players oħra ressqu ilment u xehdu f’investigazzjoni uffiċjali. L-investigazzjoni bdiet wara li FIFPro involviet ruħha u ressqet rapport f’isem diversi players.
Il-kamra investigattiva tal-FIFA kienet sabet li Guacci kiser diversi artikli tal-Kodiċi tal-Etika tagħha, inkluż allegat fastidju sesswali fuq waħda mill-players u abbuż psikoloġiku fuq oħrajn.
Għaldaqstant, kienet irrakkomandat li jiġu imposti sanzjonijiet kontrih. Madankollu, il-kamra ġudikanti ddeċidiet li l-evidenza ma kinitx biżżejjed biex timponi sanzjoni.
Il-FIFA kienet enfasizzat li d-deċiżjoni ma kellhiex titqies bħala konferma li l-allegazzjonijiet ma seħħewx.
Gabriela Garton, waħda mill-ewwel players li ressqet ilment, iddeskriviet id-deċiżjoni bħala daqqa ta’ ħarta u staqsiet x’aktar evidenza kienet meħtieġa biex il-każ ikun jista’ jwassal għal sanzjoni.
Garton allegat ukoll li Guacci kien talab ritratti nudi mingħand players u kien għamel kummenti degradanti u sesswalment abbużivi. Hija qalet li l-coach kien għamel kummenti offensivi wara partita kontra Boca Juniors, filwaqt li allegat ukoll li kien ikkritikaha minħabba s-sejħa tagħha mat-team nazzjonali.
Il-FIFPro kienet ikkritikat l-investigazzjoni tal-FIFA, u qalet li kienet bil-mod u magħmula b’mod mhux professjonali.
IL-COACH GUACCI JAGĦMEL REAZZJONI
Guacci, li ċaħad ripetutament l-allegazzjonijiet, u l-”partitarji” tiegħu ppreżentaw id-deċiżjoni bħala liberazzjoni mill-akkużi.
Sadanittant, ġew ippreżentati kawżi kontra ħames players u ġurnalist, filwaqt li dawn ukoll fetħu kawżi għal malafama. Guacci kien ukoll ippubblika l-ismijiet ta’ diversi nisa li kienu ressqu lmenti, u dan wassal għal kritika u attakki fuq il-midja soċjali kontra l-players.
Il-players qalu li l-pressjoni u t-theddid li għaddew minnhom kienu qed jagħmlu l-esperjenza tagħhom saħansitra aktar diffiċli, u li l-każ kien qed jaffettwa mhux biss il-karrieri tagħhom iżda wkoll il-ħajja personali tagħhom.
IL-KAŻ IQANQAL KONTROVERSJA POLITIKA
Il-każ qanqal ukoll kontroversja politika fl-Argentina, wara li mart Guacci, Andrea, għenet fit-tfassil u l-promozzjoni ta’ proposta ta’ liġi biex jiżdiedu l-pieni għal persuni li jinstabu ħatja ta’ akkużi foloz relatati ma’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, abbuż sesswali jew reati kontra minorenni.
Il-kritiċi qalu li din il-proposta tista’ tiskoraġġixxi vittmi milli jitkellmu u tnaqqas il-protezzjoni tagħhom. Andrea ma għamlitx kummenti dwar il-kritika.
IL-COACH GUACCI JMUR JGĦIX FL-ITALJA
Guacci tilef il-kuntratt tiegħu mal-Assoċjazzjoni tal-Football Arġentina u mar jgħix l-Italja, fejn allegatament beda jaħdem ma’ team taż-żgħażagħ. Huwa, madankollu, esprima x-xewqa li jerġa’ jibda jaħdem fil-football Arġentin.
Mercau u l-players l-oħra qalu li jittamaw li l-ilment il-ġdid iwassal biex il-FIFA terġa’ tiftaħ il-każ u teżamina l-allegazzjonijiet.
Minkejja l-biża’ u t-theddid li qalet li għaddiet minnhom, Mercau trid tkompli tfittex ġustizzja u tittama li l-esperjenza tagħha tgħin biex abbużi bħal dawn ma jibqgħux iseħħu fil-football.




