Wednesday, June 10, 2026

IL-BOV JAPPROVA DIVIDEND B’SAĦĦTU WAQT IT-52 LAQGĦA ĠENERALI ANNWALI

L-Azzjonisti jivvotaw għal €130.5 miljun f’dividend, u japprovaw il-pass li jmiss fit-tkabbir tal-Bank

Aqra wkoll

Waqt it-52 Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Bank of Valletta, l-azzjonisti approvaw wieħed mill-għola dividends fl-aħħar snin. Il-Laqgħa Ġenerali Annwali tat ħarsa wkoll lejn sena oħra ta’ prestazzjoni finanzjarja b’saħħitha u lejn id-direzzjoni tal-Grupp hekk kif dan qed jipprepara għal ċiklu strateġiku ġdid.

Iċ-Chairperson tal-Grupp, Dr Gordon Cordina, u l-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia indirizzaw lill-azzjonisti preżenti, u spjegaw il-prestazzjoni finanzjarja tal-Grupp BOV miksuba fl-2025, kif ukoll il-proġetti ambizzjużi li għaddejjin bħalissa. L-azzjonisti approvaw dividend finali gross ta’ €65.1 miljun mill-profitti rreġistrati għat-tmiem is-sena li għaddiet. Barra minn hekk, huma se jkunu qed jirċievu dividend speċjali ta’ €10.4 miljun gross. B’kollox id-distribuzzjoni totali ta’ dividend gross għas-Sena Finanzjarja 2025, tammonta għal €130.5 miljun, ekwivalenti għal €0.2032 għal kull sehem.

Bank aktar b’Saħħtu u Reżiljenti – Dr Gordon Cordina, ChairpersonFl-indrizz tiegħu lill-azzjonisti, Dr Gordon Cordina, iffoka fuq il-prestazzjoni sostnuta tal-Bank fl-aħħar snin, u dwar l-impenn li jitwassal valur fit-tul. “Matul l-aħħar tliet snin, il-Bank bena momentum b’saħħtu ta’ dħul, kiseb riżultati rekord fl-2024, u baqa’ jżomm prestazzjoni robusta fl-2025. Dan wassal biex stajna nżidu t-tqassim tad-dividend, waqt li nsostnu l-kapital b’saħħtu u l-likwidità adegwata tal-Bank.”

Semma wkoll numru ta’ inizjattivi mmirati biex isaħħu l-valur għall-azzjonisti, fosthom il-Programm ta’ Riakkwist ta’ Ishma, li appoġġja l-attività fis-suq u l-likwidità. Il-prezz tal-ishma tal-Bank tela’ minn €1.56 fi tmiem l-2024 għal €1.89 sa tmiem l-2025, u laħaq livell ta’ €2.10 f’Marzu ta’ din is-sena. Barra minn hekk, l-ishma tal-Bank baqgħu l-aktar negozjati fuq il-Borża ta’ Malta. Dr Cordina rrimarka r-rwol ewlieni tal-Bank li jappoġġja l-ekonomija Maltija, kif ukoll l-impenn tiegħu lejn il-klijenti u l-komunità. “Il-Bank of Valletta jibqa’ ffukat fuq il-ħolqien ta’ valur sostenibbli għall-klijenti, l-azzjonisti, u l-partijiet kollha interessati, waqt li jkompli jappoġġja l-iżvilupp ekonomiku f’Malta.”

Bank Aktar Aċċessibbli u Personali – Kenneth Farrugia, Kap EżekuttivIl-Kap Eżekuttiv, Kenneth Farrugia qal li l-Bank se jidħol fil-fażi strateġika li jmiss minn qagħda b’saħħitha, b’viżjoni ċara biex itejjeb il-mod ta’ kif il-klijenti jesperjenzaw il-Bank. “Il-prestazzjoni soda tatna l-kapaċità li ninvestu f’aċċess aħjar għall-klijenti, niżguraw reżiljenza u effiċjenza fit-teknoloġija, inrawmu l-kapital uman, u nimmiraw li nsostnu l-valur fit-tul tal-azzjonisti. Issa se nkunu qed naħdmu biex inpoġġu l-Bank f’qagħda aktar b’saħħitha bħala istituzzjoni finanzjarja iktar aċċessibbli u personalizzata.”

Huwa rrefera wkoll għall-progress imwettaq fl-aħħar snin, inkluż 11-il fergħa li ġew rinovati, kif ukoll il-ftuħ ta’ Business Hub ġdid li jiġbor taħt saqaf wieħed is-servizzi tal-klijenti kummerċjali. Mil-lat diġitali, huwa semma l-investiment kontinwu tal-Bank fl-innovazzjoni. “Qed inkomplu ninvestu b’mod qawwi biex nagħtu l-fakultà lill-klijenti jinqdew b’mod awtonomu minn kullimkien. Il-pjattaforma l-ġdida tal-internet banking issa tinsab fil-fażijiet finali u se tkun qed tiġi mnedija għall-klijenti dalwaqt. L-istess ukoll nistgħu ngħidu għall-investiment f’ġenerazzjoni ġdida ta’ ATMs. Saħħaħna wkoll is-soluzzjonijiet ta’ pagamenti taħt il-kappa ta’ BOV SmartPay, u nedejna sistema ta’ onboarding diġitali, biex il-klijenti jkollhom iktar modi kif jinteraġixxu mal-Bank.” Is-Sur Farrugia tkellem dwar it-triq ’il quddiem.

“Se nkomplu ninvestu biex intejbu l-esperjenza tal-klijent fuq il-mezzi kollha, insaħħu l-kapaċitajiet tas-sigurtà ċibernetika, u nagħmlu użu aħjar tad-dejta waqt li nwasslu servizzi iżjed personalizzati, siguri u bla xkiel.”Ħatriet fuq il-Bord Matul il-Laqgħa, is-Sur Kelvin Camenzuli nħatar fuq il-Bord tad-Diretturi. Huwa qed jieħu post is-Sur Nicola Angeli, li għażel li ma jerġax jiġi appuntat.

F’isem il-Bord, iċ-Chairperson irringrazzja lis-Sur Angeli tal-kontribuzzjonijiet eżemplari tul is-snin ta’ ħidma tiegħu. Il-ħatra tas-Sur Camenzuli hija soġġetta għall-approvazzjoni regolatorja, u d-data effettiva tal-ħatra hija d-data ta’ meta tasal l-approvazzjoni regolatorja.Il-Laqgħa Ġenerali Annwali ħatret mill-ġdid lil Dr Robert Suban bħala Direttur Mhux Eżekuttiv għal terminu ieħor, filwaqt li Dr Gordon Cordina ġie nominat mill-Gvern ta’ Malta bħala Azzjonist Kwalifikanti, għat-tielet u l-aħħar terminu, skont il-Memorandum u l-Artikoli tal-Bank. Il-Bord tad-Diretturi issa huwa ffurmat kif ġej:

Gordon Cordina Chairperson u Direttur Mhux Eżekuttiv Ingrid Azzopardi Direttur Mhux EżekuttivChristian Bonnici West Direttur Mhux EżekuttivDiane Bugeja Direttur Mhux EżekuttivKelvin Camenzuli* Direttur Mhux EżekuttivKenneth Farrugia Direttur EżekuttivAnatoli Grech Direttur EżekuttivAnita Mangion Direttur Mhux EżekuttivHadrian Sammut Direttur Mhux EżekuttivDeborah Schembri Direttur Mhux EżekuttivJonathan Spiteri Direttur Mhux EżekuttivRobert Suban Direttur Mhux EżekuttivSue Vella Direttur Mhux Eżekuttiv* Soġġett għall-approvazzjoni regolatorja u d-data tal-ħatra tkun id-data li fiha tasal l-approvazzjoni regolatorja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport