Is-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-General Workers’ Union (GWU), Kevin Camilleri, indirizza l-114-il Sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol (International Labour Conference) f’Ġinevra, fejn appella għal approċċ aktar ġust, trasparenti u inklużiv fir-regolamentazzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) fid-dinja tax-xogħol.
Fl-ewwel intervent tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tal-GWU, quddiem rappreżentanti tal-gvernijiet, unions u min iħaddem minn madwar id-dinja, Kevin Camilleri rrefera għar-rapport tad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), “A Moment of Choice: Harnessing AI for Decent Work”, u enfasizza li l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) m’għadhiex sfida tal-futur iżda realtà li diġà qed tbiddel il-mod kif ix-xogħol jiġi organizzat, imkejjel u amministrat.
Huwa sostna li, filwaqt li Malta ħaddnet id-diġitalizzazzjoni b’pass mgħaġġel, il-progress teknoloġiku għandu jkun akkumpanjat minn governanza b’saħħitha sabiex jiġu evitati inċertezzi u forom ġodda ta’ vulnerabbiltà fuq il-post tax-xogħol.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU saħaq li t-tħassib ewlieni mhux bilfors huwa t-telf tal-impjiegi, iżda t-tnaqqis fil-kwalità tax-xogħol permezz ta’ sistemi awtomatizzati li qed jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet dwar il-prestazzjoni, il-ħinijiet tax-xogħol u anke d-dixxiplina tal-ħaddiema.
“Hekk kif qal id-Direttur Ġenerali, ix-xogħol deċenti jfisser dinjità, ġustizzja u rispett lejn il-ħaddiem. Meta sistemi algoritmiċi jieħdu deċiżjonijiet mingħajr trasparenza jew mingħajr possibbiltà ta’ appell uman, inkunu qed nirriskjaw dawn il-prinċipji fundamentali,” qal Camilleri.
Huwa wissa wkoll dwar ir-riskju li l-AI tkompli żżid l-inugwaljanzi eżistenti, partikolarment fost in-nisa, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema migranti, li ħafna drabi jinsabu f’impjiegi aktar esposti għall-awtomazzjoni u għal kontroll algoritmiku.
Kevin Camilleri tenna li t-taħriġ u r-re-skilling għandhom ikunu dritt tal-ħaddiema u mhux piż individwali, filwaqt li appella biex kull żieda fil-produttività li ġġib magħha l-AI tissarraf f’benefiċċji konkreti għall-ħaddiema, inkluż pagi aħjar, bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u protezzjoni soċjali aktar b’saħħitha.
Matul id-diskors tiegħu, saħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta’ djalogu soċjali b’saħħtu qabel ma jiġu introdotti sistemi ta’ AI fuq il-post tax-xogħol, inkluż konsultazzjoni obbligatorja mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, dritt għal spjegazzjoni ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati u estensjoni tan-negozjar kollettiv biex jinkludi aspetti relatati mal-ġestjoni algoritmika, il-protezzjoni tad-data u s-saħħa mentali.
Fl-għeluq tal-intervent tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU semma wkoll l-instabbiltà ġeopolitika fil-Lvant Nofsani, fejn sostna li l-ħaddiema qed iġorru l-akbar piż tal-kunflitti u l-insigurtà. Huwa appella għal impenn internazzjonali aktar b’saħħtu biex jiġu protetti l-ħaddiema, jinbnew mill-ġdid opportunitajiet ta’ xogħol deċenti u jiġu salvagwardjati d-drittijiet fundamentali tax-xogħol anke fi żminijiet ta’ kriżi.
Il-General Workers’ Union tkompli tisħaq fuq il-ħtieġa li l-progress teknoloġiku jkun akkumpanjat minn ġustizzja soċjali, sabiex l-Intelliġenza Artifiċjali sservi lill-ħaddiema u mhux bil-maqlub.


