Ftit tal-ħin wara li l-Awtorità tal-Ippjanar ġiet informata li fuq ix-xatt ta’ Buġibba tpoġġiet struttura li kollox kien jindika li ma kienx hemm il-permessi neċessarji, uffiċjali tal-istess awtorità marru fuq il-post biex jinvestigaw.
Il-persuna responsabbili minn din l-istruttura informat lill-Awtorità li kienu nkisbu l-permessi kollha minn entitajiet oħra relatati mal-operat ta’ jet skis.
Minkejja dan, l-uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar talbu formalment biex din l-istruttura titneħħa b’mod immedjat. L-uffiċjali qalu lis-sid li jekk l-istruttura ma titneħħiex, se tkun qed tipproċedi bil-ħruġ ta’ avviż ta’ infurzar skont il-leġiżlazzjoni applikabbli.
L-Awtorità tal-Ippjanar kompliet tgħid li tibqa’ impenjata li tiżgura li l-liġijiet tal-ippjanar jiġu osservati u li kull żvilupp jew attività jsiru b’konformità mal-proċeduri u l-permessi meħtieġa.


