Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-volleyball?
L-imħabba tiegħi lejn il-volleyball bdiet tard f’ħajti għaliex qbiżt ħafna minn sport għall-iehor, fosthom taekwondo, tennis, għawm u sa fl-aħħar volleyball erba’ snin ilu. Il-mument li rajt li għal dan l-isport it-tul huwa importanti ħassejtu li huwa l-isport tiegħi u aktar ma bdejt nilgħab aktar ħabbejt il-logħba!
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Flyers.
L-esperjenza tiegħi mal-Flyers din is-sena hija waħda mill-aktar pożittivi. It-tim laqagħni b’idejh miftuħa u dejjem jgħinni sabiex insir plejer aħjar. Kull sessjoni ta’ taħriġ li jkollna tkun sabiħa u interessanti sabiex qegħdin magħqudin ħafna bħala tim u fejn xi ħadd ikollu bżonn l-għajnuna dejjem kulħadd jgħin lil xulxin u nista’ ngħid li mindu bdejt s’issa sirt plejer ħafna aħjar grazzi għat-tim u l-kowċ.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
Fl-aħħar staġun nemmen li morna tajjeb, fejn ġejna t-tieni u avolja kellna xi plejers imweġġgħin xorta ġew jagħmlulna s-sapport u dik hija li tatna kuraġġ biex immorru mill-aħjar li nistgħu.
Kif tqis il-livell tal-volleyball f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-Volleyball f’Malta huwa fin-nofs mal-livelli taż-zgħar f’livell nazzjonali fejn l-aħħar kompetizzjoni li kellhom it-tim taż-żgħar fit-tim nazzjonali ġew l-ewwel. Mal-livell nazjonali tas-Superleague meta kkumparat ma’ pajjiżi oħra nemmen li ma’ ħafna pajjiżi fl-Ewropa għandna plejers Maltin li jgħaqqdu tim sod sabiex nirbħulhom.
Il-Volleyball f’Malta sfortunatament huwa sport b’nuqqas ta’ fondi kbir u l-opportunitajiet huma neqsin minħabba dan. Kompetizzjonijiet organizzati uffiċjali jkun hemm waħda fis-sena u opportunitajiet sabiex nilagħbu kontra timijiet barranin isiru biss jekk ikunu mħallsin mit-timijiet u l-plejers minħabba n-nuqqas ta’ fondi li hemm fl-isport.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-volleyball?
Il-volleyball huwa parti essenzjali minn ħajti u fil-futur narani dejjem li nibqa’ nilgħab sa fejn inkun niflaħ għaliex huwa mod biex nirrilassa u ninqata’ mill-istress kollu li jkolli f’ħajti u minħabba l-volleyball dejjem ikolli moħħi frisk wara sessjoni ta’ taħriġ.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-volleyball.
Għal dawk kollha li jixtiequ jagħmlu suċċess fil-Volleyball, ngħidilkom biex tmorru għat-taħriġ, sajf, xitwa, bard u sħana għaliex b’hekk titjieb. Bħal kull ħaġa f’din id- dinja, aktar ma tipprattika, aktar issir aħjar u tibżax titkellem ma’ nies uffiċjali sabiex jorgannizaw aktar kompetizzjonijiet u jtejbu l-andament tal-Volleyball f’Malta għax hawn ħafna talent li mhux rikonoxxut!


