Għaddej ix-xogħol fil-Park tal-Familja f’Bengħajsa, biex dan il-park fin-naħa t’isfel tal-pajjiż jikber b’7,000 metru kwadru ieħor. Żaru x-xogħlijiet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, flimkien ma’ Project Green u l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.
Wara li Project Green ħadmet fuq id-disinn ta’ din il-fażi tal-proġett u nħarġu l-permessi, issa ngħata bidu għax-xogħlijiet fejn bħalissa qed isir qtugħ ta’ ħaxix ħażin biex ikun jista’ jsir xogħol ta’ surveying u analiżi tal-kundizzjoni tal-art, biex b’hekk ma jkunx hemm impatt ħażin fuq il-bijodiversità. Bħala parti mill-proġett se jitħawwlu 141 siġra u bosta arbuxelli.
“Il-Park tal-Familja ta’ Bengħajsa qed iservi ta’ pulmun aħdar f’din il-komunità, li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar familji qed igawduh. Qed naraw li l-Park ta’ Bengħajsa mhux biss jikber u jkun aktar aċċessibbli iżda jagħti valur miżjud lill-komunità,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-proġett jinkludi pavimentar geogrid biex jistabbilizza l-ħamrija u jipprovdi passaġġ aċċessibbli. Se jinbena ġibjun għall-ilma ta’ 290 metru kubu biex b’hekk tkun tista’ ssir sistema ta’ irrigazzjoni biex tintuża għat-tisqija ta’ din iż-żona.
Din l-estensjoni li tagħmel parti mil-Park ta’ Bengħajsa, se tibqa’ tinżamm fl-istat naturali tagħha, ħalli jonqos l-impatt fuq it-topografija naturali ta’ din iż-żona. F’dan il-proċess se jiġu introdotti tgħamir tal-logħob bħal slides u faċilitajiet inklussivi bħal bandli li jkunu aċċessibbli għal kulħadd kif ukoll rampi li jkomplu jagħmlu dan il-Park wieħed aċċessibbli.
Il-Kap tal-Implimentazzjoni tal-Programm ta’ Project Green, Liana Saliba Gazzano, spjegat li, “Matul din il-fażi f’dan il-proġett, qed naraw li l-Park ta’ Bengħajsa jkompli jikber fejn din iż-żona se tiġi riabilitata biex b’hekk aktar familji jkunu jistgħu jgawdu dan il-Park. B’din l-estensjoni se nkunu qed nilħqu lil madwar 1,700 persuna li jgħixu għaxar minuti mixi ’l bogħod.”