Irlandiż, ħabib ta’ Jeremy Harbinson tħallas €314,000 wara li inħatar mill-Maġistrat Gabriella Vella bħala espert fl-inkjesta tal-isptarijiet, anki jekk ma kellux il-kwalifiċi neċessarji.
Vincent Bradley inħatar bħala espert tal-Qorti fl-inkjesta fit-2 ta’ Settembru tal-2020. Fiż-żmien ta’ qabel kien jaħdem mad-ditta ta’ Jeremy Harbinson, bl-isem ta’ Harbinson Mulholland fejn kellu salarju ta’ madwar €96,000 fis-sena. Madankollu meta skopra xi ħlasijiet kienu qed isiru fl-inkjesta tal-isptarijiet, Bradley iddeċieda li jibda jaħdem għal rasu fuq l-istess xogħol li kien jagħmel ma’ Harbinson.
Huwa ħoloq il-kumpanija Bradley Forensics Ltd, u sempliċiment għax kien impjegat mal-eks kumpanija tiegħu, Harbinson issuġġerixxa lil Vincent Bradley bħala espert u l-Maġistrat Gabriella Vella aċċettat. Huwa stmat li bl-għajnuna ta’ Harbinson, Bradley daħħal xejn inqas minn €314,000 mill-inkjesta. Għaldaqstant bil-ħolqien tal-kumpanija privata, Bradley beda jdaħħal it-tripplu ta’ dak li kien qed jitħallas sakemm kien għadu impjegat ma’ Harbinson.
Jirriżulta iżda li Bradley m’għandux il-kwalifiki neċessarji biex jagħmilha ta’ accountant forensiku, kariga li tesiġi li persuna tkun mhux biss gradwata fl-accountancy, iżda li jkollha kwalifiċi addizzjonali, bħala grad post-graduate, kif mitlub mill-istandards internazzjonali u anki l-linji gwida tal-Kunsill tal-Ewropa. Fil-Qorti fil-ġimgħat li għaddew intqal illi Bradley, bħal Harbinson, qed jirrifjuta li jixhed fl inkjesta.
Fl-istess ħin Bradley bħal sieħbu Harbinson għamel numru ta’ snin jaħdem mal-kumpanija Price Waterhouse Coopers, li kellha sehem ewlieni bħala konsulenta tal-promoturi li ngħataw il-konċessjoni fil-proġett tal-isptarijiet. Dan jikkostitwixxi kunflitt ta’ interess, għax la Harbinson u lanqas Bradley ma seta’ jkollhom l-indipendenza u l-imparzjalità li jesiġi l-Kunsill tal-Ewropa.
Bradley mhux l-uniku hekk imsejjaħ espert fl-inkjesta tal-isptarijiet li m’għandux il-kwalifiċi neċessarji. Fil-Qorti fil-ġimgħat li għaddew Miroslava Milenovic, li inħatret mill-Maġistrat Vella bħala accountant forensiku, stqarret li la għandha degree fl-accounts u lanqas għandha warrant ta’ accountant. Mitluba tgħid jekk informatx b’dan lill-Maġistrat Vella, l-esperta kienet qalet li ma informatx u li l-Maġistrat ma kellmitix dwar dan. Milenovic kienet qalet illi saret certified accountant wara kors ta’ ħames xhur biss, bejn Jannar u Mejju 2000, fis-Serbja.
Zara Melody, tfajla Irlandiża li inħatret mill-Maġistrat Gabriella Vella bħala esperta, sa disa’ xhur biss qabel, kienet taħdem bħala lifeguard u għalliema tal-għawm, xogħol li kienet ilha tagħmel għal kważi 4 snin. Kien biss fil-bidu tas-sena 2023 li Melody bdiet l-apprentistat tagħha fis-settur tal-IT iżda f’Settembru tal-istess sena, fuq il-parir ta’ Harbinson, sabet ruħha maħtura bħala esperta fl-inkjesta fit-tim ta’ digital examiners.
Il-ħatriet ta’ dawn l-esperti minn naħa tal-Maġistrat Gabriella Vella fuq il-parir ta’ Jeremy Harbinson, li wara li tħallas €11 – il miljun, qed jibqa’ jirrifjuta li jagħti x-xhieda tiegħu bħala l-koordinatur tar-rapport li wassal biex jitressqu akkużi mill-iktar serji kontra numru kbir ta’ persuni fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, qed ikomplu jqanqlu iktar dubji serji dwar l-integrità tal-inkjesta.