Ktieb ġdid ta’ Evarist Bartolo dwar 61 ġrajja mill-istorja ta’ Għawdex

Aqra wkoll

Evarist Bartolo  ġabar flimkien 61-il rakkont storiku fil-ktieb ‘Rakkmu Għawdxi mill-istorja’ (Pubblikazzjoni SKS). Stejjer straordinarji f’dal-ktieb ġdid li jħares lejn il-passat ta’ Għawdex, jinkludu rakkont dwar Angela La Giacchetta li, fl-1630, inqabdet titlob bil-kuruna tar-rużarju sewda  mingħajr salib, tirrepeti “Sant’ Satana, ejja”. Angela ingħatat xebgħa frosta fil-pubbliku u ġiet  eżiljata b’mod permanenti minn Malta u Għawdex.

Storja oħra tirrakkonta dwar Maddalena Bonnici, mara ta’ 40 sena li instabet ħatja mill-Inkwizitur li talbet lix-xjaten iressqu l-irġiel  lejha u  ta’ dan ġiet eżiljata minn Għawdex għal ħames snin.

Iżda l-ktieb ma jinkludix biss dawn il-każi strambi.

Evarist Bartolo jikteb il-ħajja ta’ kuljum f’Għawdex matul is-sekli.  Jesplora ġrajjiet misterjużi, figuri reliġjużi, invażjonijiet minn ħakkiem barranin u l-ismijiet ta’ Għawdxin li inqabdu ilsiera mill-Misilmin u spiċċaw jgħixu ta’ lsiera fl-Alġerija, fi Tripli u f’Kostantinopli.

Il-ktieb jeżamina rapporti li dehru minn Għawdex ta’ balla nar dak innhar li fl- 25 ta’ Mejju 1873  inħaraq it-Teatru Rjal.

Jirrakkonta kif ippruvaw joqtlu nisa, tfal u anzjani Għawdxin li ippruvaw jaħarbu malli lemħu l-kursara.

L-istoriku Għawdxi Michael Refalo, li kiteb l-introduzzjoni tal-ktieb, jgħid li Bartolo għandu l-ħila jirrakkonta ġrajjiet storiċi fi stejjer faċli biex jinqraw u fl-istess ħin juri kif il-Għawdxin ordinarji kienu jgħixu taħt l-influwenza ta’ istituzzjonijiet b’saħħithom.

Evarist Bartolo ifakkar x’kiteb  l-istoriku Għawdxi Agius de Soldanis fis-sekli 18 li kien wissa lill-qarrejja biex ma jaċċettawx kull kitba storika mingħajr ma jagħmlu l- mistoqsijiet tagħhom.

Il-ktieb se jiġi mniedi il-Ġimgħa, 27 ta’ Novembru fil-6pm fil-Banca Giuratale ir-Rabat, Għawdex, fejn Evarist Bartolo u Michael Refalo se jiddiskutu d-dettalji tal-ktieb. Il-pubbliku mistieden jattendi. Dħul bla ħlas.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport