Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħol li għaddej fuq il-proġett tal-faċċata tal-Oratorju Qalb ta’ Ġesù li tinsab fil-Mosta, li qed isir mid-Direttorat tar-Restawr. Ix-xogħol beda f’Awwissu tal-2022 u huwa ppjanat li jitlesta sal-aħħar ta’ Mejju 2023.
Din il-kappella hija waħda mill-proġetti taħt l-iskema tal-Kunsilli Lokali, liema skema tkopri restawr ta’ statwi, niċeċ, monumenti, kappelli u strutturi storiċi li jinsabu fid-diversi rħula u komunitajiet.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna li “Dan il-Gvern impenjat li jkompli jwettaq inizjattivi li jħarsu l-preservazzjoni, ir-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ postijiet storiċi fil-lokalitajiet tagħna fuq bażi regolari. L-Oratorju Qalb ta’ Ġesu fil-Mosta hu wieħed minn ħolqa ta’ proġetti li se jkunu qed jitlestew biex inkomplu nħarsu l-lokalitajiet tagħna, grazzi għall-ħidma bla waqfien tad-Direttorat tar-Restawr.”
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Mosta Chris Grech tenna li “Dan il-proġett ta’ restawr huwa importanti għall-Mosta, għaliex l-Oratorju Qalb ta’ Ġesù jkopri kultura reliġjuża, drammatika u sportiva għall-ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ żgħażagħ u adoloxxenti Mostin li għalihom l-Oratorju kien it-tieni dar tagħhom.
Għaldaqstant, permezz ta’ dan il-proġett se nkomplu napprezzaw il-patrimonju li ħallewlna ta’ qabilna.”
L-Oratorju Qalb ta’ Ġesu nbena fuq id-disinn tal-Perit Nettu Mifsud Ellul, tlesta fl-1935 u ġie inawgurat fl-1940.