Monday, May 20, 2024

“Is-sigurtà u t-tisħiħ tal-governanza tajba huwa element sagrosant”

Il-Kurunell Mark Mallia – Kap Eżekuttiv Aġenzija Identity Malta

Aqra wkoll

Is-sigurtà u t-tisħiħ tal-governanza tajba huwa element sagrosant. Għaldaqstant, it-twessigħ tar-responsabbiltajiet tat-Taqsima tal-Compliance, fejn se nkunu qegħdin nimplimentaw ukoll kontrolli fuq is-sistemi interni tal-aġenzija. Se niżguraw ukoll li l-attivitajiet tal-aġenzija jitwettqu b’mod trasparenti u responsabbli f’kull livell tal-organizzazzjoni”.

Iddikjara dan ma’ talk.mt il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Idenitity Malta ftit ġimgħat mill-ħatra tiegħu f’din il-kariga.

F’Jannar tas-sena li għaddiet, huwa nħatar uffiċjalment bħala Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta. Fost il-prijoritajiet ewlenin ta’ din l-aġenzija hemm il-ħarsien u s-salvagwardja tas-sigurtà ta’ kull ċittadin Malti u Għawdxi fis-servizzi li toffri kemm mill-aspett ta’ identità għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, kif ukoll mill-aspett ta’ ħruġ ta’ permessi ta’ residenza għal persuni barranin li jiġu f’pajjiżna sabiex jirrisjedu u jaħdmu.

Impenn li jkompli jibni fuq it-tajjeb li sar minn ta’ qablu

Mistoqsi rigward l-esperjenza tiegħu Mallia qalilna li qabel daħal għal din il-kariga, għal snin twal okkupa diversi karigi għolja fil-Forzi Armati ta’ Malta, b’waħda mill-aktar importanti u prestiġjuża tkun dik ta’ Ajjutant Militari tal-President ta’ Malta. Aktar ’il quddiem huwa rtira bħala Deputat Kmandant, u taħtu kellu wkoll id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani fi ħdan l-istess Armata. L-esperjenza ta’ snin twal f’ħidma fil-Korpi ddixxiplinati tagħtu valuri b’saħħithom ta’ professjonalità u dixxiplina li sawrh fil-persuna li hu llum.

“Inħares lejn dan il-pass bħala wieħed importanti ħafna fil-karriera tiegħi, bl-isfidi u l-opportunitajiet kollha li dan iġib miegħu ta’ kuljum. Rajt li nkompli nibni u nsaħħaħ dak li sar, u fl-istess ħin bdejna nimplimentaw ideat u miżuri ġodda bil-għan li nipprovdu lill-pubbliku l-aqwa servizz possibbli.

Nemmen li qed nistabbilixxi direzzjoni strateġika li twassal għal prestazzjoni aktar b’saħħitha tal-aġenzija. Taħt l-amministrazzjoni tiegħi, il-proċessi operattivi huma kontinwament segwiti u riveduti b’mod konsistenti u dan bil-għan li nkomplu ntejjbu l-effiċjenza tas-servizz lill-pubbliku ġenerali, u għaldaqstant il-klijenti kollha tagħna”, spjega Mallia.

Huwa qal ukoll li qiegħed jara li jesegwixxi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-aġenzija fejn b’mod responsabbli jara li jiġi implimentat pjan strateġiku u jaċċerta li dan ikun f’konformità mal-viżjoni u l-missjoni tal-aġenzija.

Bżonn li tifhem il-bżonnijiet tan-nies … kruċjali li jkollok ħaddiema motivati
Kellimna wkoll dwar l-esperjenza vasta tiegħu u li mingħajr dubju, dawn l-esperjenzi għallmuh ħafna. Għallmuh jifhem u jagħder il-bżonnijiet tan-nies, jindirizza l-isfidi li jaffaċċjaw ta’ kuljum fuq xogħolhom, kif ukoll jilqa’ l-opportunitajiet li dawn jistgħu jġibu magħhom.

Bħala Deputat Kmandant, u responsabbli wkoll mid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani għal tmien snin sħaħ, illum kapaċi jifhem il-ħtiġijiet u t-tħassib tal-impjegati, fejn trid tkun kapaċi tmexxi b’empatija u kompassjoni, u fejn ikun meħtieġ, tinforza d-dixxiplina.

“Il-ħila tal-komunikazzjoni għalija tfisser ħafna. Mexxej, jew kap eżekuttiv tajjeb irid ikun komunikatur effettiv, li kapaċi jispira u jimmotiva lill-impjegati, u jibni relazzjonijiet mal-istakeholders kollha involuti. Trid tkun kapaċi tidentifika u tindirizza r-riskji b’mod effettiv, filwaqt li tieħu riskji kkalkulati fejn meħtieġ biex tkompli tkabbar l-operat tal-aġenzija. Nemmen fit-tagħlim kontinwu. Trid tkun dejjem lest biex titgħallem u tadatta, tibqa’ aġġornat mal-aħħar żviluppi tal-industrija, u dejjem tfittex opportunitajiet ġodda fejn tista’ ttejjeb l-operat.

Għalhekk huwa mportanti li bħala aġenzija nkomplu ninvestu fil-ħiliet tal-ħaddiema u nassiguraw li dawn ikunu attrezzati bl-aqwa mezzi u ħiliet possibbli sabiex iwettqu d-dmirijiet tagħhom”, żied jgħid Mallia.

L-integrità fix-xogħol għalih hija l-qofol ta’ kollox. Li topera b’onestà u trasparenza, tagħti eżempju lill-impjegati, u tibni fiduċja qawwija mat-team kollu. Ebda bniedem ma hu waħdu, u mexxej jista’ jkun ta’ suċċess biss jekk it-team ikun ta’ suċċess ukoll. Li jkollok il-ħaddiema motivati huwa kruċjali.
Il-prinċipju ta’ gwida tiegħu huwa li jieħu l-frott minn dak li jistinka u jaħdem għalih. Dejjem itenni li għandna lkoll nagħtu l-mija fil-mija tagħna u nagħmlu sforz żejjed biex niksbu l-aqwa riżultat possibbli. Qatt ma hu lest li jkun sodisfatt b’inqas minn hekk. Jipprova jdaħħal dan il-ħsieb fil-membri kollha tat-tim tiegħu għax jemmen bis-sħiħ fir-responsabbiltà u r-rispett lejn xulxin.

Titjib fis-servizzi provduti

Sa mill-bidu tagħha, l-Aġenzija Identity Malta, esperjenzat progress kontinwu fit-titjib tas-servizzi pprovduti. Permezz ta’ din l-istrateġija, l-Aġenzija qed tħares li tkompli tikkonsolida l-kisbiet minn sena għal oħra filwaqt li ttejjeb il-funzjonijiet attwali.

L-irwol kruċjali li għandha l-aġenzija fit-tiswir tar-realtajiet soċjo-ekonomiċi u demografiċi ta’ Malta, jissolidifika l-ħtieġa li tkun adattata għall-futur. Din l-istrateġija, imfassla fuq tliet snin enfasizzat fuq il-ħtieġa li l-aġenzija tkun aktar iċċentrata fuq il-klijent.

Għaldaqstant, il-bżonn ta’ tiġdid, is-simplifikar tal-proċessi, l-effiċjenza u t-tneħħija tal-burokrazija żejda huma l-pern li fuqhom hija mibnija din l-istrateġija. L-għan aħħari huwa li kull ċittadin Malti u Għawdxi u dawk kollha li jiġu bżonn is-servizzi tagħna jkunu moqdija b’servizz eċċellenti u professjonali filwaqt li s-salvagwardja tas-sigurtà tal-pajjiż u l-identità tal-individwu jibqgħu prijorità assoluta.

F’konformità sħiħa mal-viżjoni tal-Gvern li tikseb l-eċċellenza fit-twassil tas-servizz permezz tat-teknoloġija, l-aġenzija wettqet bidla sinifikanti fit-twassil tas-servizz lill-konsumatur. Il-pjattaforma diġitali tas-Single Permit u s-suċċess li din irreġistrat mal-klijenti tal-aġenzija, fetħu t-triq għat-tnedija ta’ bosta portali ġodda.

Il-migrazzjoni diġitali tas-servizzi offruti mit-Taqsima tal-Espatrijati, flimkien mal-introduzzjoni ta’ bosta booking systems ta’ dipartimenti oħra, l-estensjoni tal-portal Notarili u t-tnedija tal-firma diġitali kwalifikata huma xhieda qawwija tal-impenn li għandha l-aġenzija li tiffaċilita s-servizzi tagħha.

Ta’ min ifakkar fi rwol importanti ħafna li l-aġenzija għandna fl-ekonomija Maltija, li fl-aħħar xhur kibret sostanzjalment tant li nħolqot domanda ogħla minn qatt qabel fis-suq tax-xogħol. Dan it-tkabbir, flimkien ma’ rata baxxa ta’ qgħad lokalment, żiedet il-ħtieġa li l-ħaddiema jiġu mportati minn pajjiżi barranin.

Għaldaqstant, l-implimentazzjoni ta’ bosta miżuri sabiex inkunu ta’ sostenn kemm jista’ jkun għal dawk li jħaddmu f’pajjiżna kienu kruċjali f’dawn l-aħħar xhur.

L-aġenzija investiet f’żewġ self-service biometric capture workstations (BCWs), apparat teknoloġikament avvanzat li kien installat fit-Taqsima tal-Espatrijati u fl-Uffiċċju tal-Passaporti fejn rajna li l-proċess bijometriku sar aktar effiċjenti u ta’ kwalità għolja.

Dan irriżulta fi tnaqqis ta’ ħin ta’ stennija għall-applikanti, minkejja żieda fis-sottomissjonijiet ta’ applikazzjonijiet. Matul is-sena li għaddiet, l-aġenzija nediet eżerċizzju ta’ kollaborazzjoni mal-Missjonijiet Maltin u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, sabiex tiffaċilita u ttejjeb il-proċess tal-ħruġ tal-viża. Twaqqfet ukoll il-Customer Support and Response Unit, fejn impjegati tal-aġenzija li qabel kienu mifruxa f’taqsimiet diversi joffru assistenza lill-klijenti skont id-dipartiment li jinsabu fih, ingħaqdu f’dipartiment wieħed sabiex l-assistenza mogħtija tkun ikkonsolidata.

Huwa żied jenfasizza li l-bidliet li saru mill-aġenzija kellhom impatt pożittiv fuq il-ħaddiema, li baqgħu impenjati lejn it-twettiq tal-istrateġija tal-aġenzija. Il-viżjoni tal-aġenzija hi li tkompli tiżviluppa u timplimenta strateġiji operattivi kemm għal żmien qasir kif ukoll oħrajn fit-tul.

Servizzi offruti minn post wieħed biex tiżdied l-effiċjenza

Is-servizzi li jingħataw mit-taqsima tal-Karti tal-Identità, mill-Uffiċċju tal-Passaporti kif ukoll tar-Reġistru Pubbliku huma diġà disponibbli għal dawk li jagħżlu li jagħmlu dan minn Għawdex stess. Minkejja dan, Mallia żied jgħid li hu jemmen li s-servizzi kollha offruti mill-aġenzija għandhom jingħataw minn post wieħed, ċentrali fejn il-klijent ikun moqdi b’effiċjenza.

Huwa temm jgħid li l-aġenzija hija kommessa li tibqa’ taħdem bl-aktar mod effiċjenti u se tinvesti sabiex tassigura li s-servizzi kollha offruti minnha jkunu aċċessibbli u effiċjenti.

Kuntatt mad-diversi taqsimiet jista’ jsir permezz tal-email jew telefonata. Bosta informazzjoni tinsab disponibbli fuq is-sit elettroniku www.identitymalta.com.

“Aħna wkoll nagħmlu użu minn mezzi pjattaformi tal-midja soċjali li wieħed jista’ jsegwi għal aġġornamenti jew avviżi relatati mal-ħidma u s-servizzi tagħna”, qal Mallia.

Sport