Għalkemm il-qawwa tal-maltempata Harry kienet antiċipata, b’danakollu ħadd ma kien qed jistenna li din kienet se tħalli daqshekk impatt negattiv kemm fuq il-kosta fejn jidħlu s-sajjieda kif ukoll fis-settur agrikolu.
Il-Gvern bħalissa għaddej bi proċess ta’ evalwazzjoni tat-talbiet li tressqu għall-għajnuna minn dawn is-setturi. S’issa jidher li l-ħsarat kaġunati mill-maltemp ilaħħqu l-miljuni ta’ ewro.
Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said f’intervista ma’ dan il-ġurnal fejn tkellmet dwar l-effetti li ħalliet warajha l-maltempata Harry fuq il-bdiewa u s-sajjieda.
Hija qalet li s-sajjieda ġarrbu ħsarat fil-bastimenti tagħhom u anke tilfu rkapti tas-sajd u oġġetti oħra fosthom nases u konzijiet li spiċċaw inġarru mal-kurrent. Min-naħa l-oħra, fejn jidħol is-settur tal-agrikoltura, kien hemm impatti fuq is-serer, li jinkludu ħsarat infrastrutturali kif ukoll fuq il-prodotti agrikoli.
“Il-Gvern qed jilqa’ s-sejħiet biex naraw x’tip ta’ kumpens jista’ jingħata. Minn hemm se naraw x’ikun eleġibbli u joħorġu l-iskemi biex japplikaw għalihom. Sal-lum tlabna li kulll min għandu xi tip ta’ ħsarat jieħu r-ritratti u jekk jagħmel xi manutenzjoni jżomm l-irċevuti. Se naraw li dak li jista’ jingħata, nagħtuh,” qalet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said li fakkret ukoll li skemi oħra simili kienu diġà nħarġu fl-2019 wara l-maltempata li seħħet dakinhar, fejn il-Gvern għen kemm lill-bdiewa kif ukoll lis-sajjieda.
Hija rrikonoxxiet ukoll li dawn huma realtajiet li qed jaffettwaw lil dawn is-setturi u għalhekk jibqa’ kruċjali li l-Gvern iżomm kuntatt kontinwu u jgħin fejn ikun hemm bżonn.
“Meta nżilt Marsaxlokk, tara lis-sajjieda inkwetati minħabba d-dgħajjes tagħhom. Tarahom jirranġaw kif setgħu dak il-ħin. Jingħaqdu flimkien. Grupp ta’ sajjieda jgħinu lil xulxin. Hemm tara r-reżiljenza u l-qlubija tas-sajjieda jgħinu wieħed lil ieħor.
“Mort inżur ukoll is-serer fl-Imġarr u urewni l-ħsarat li kien hemm. Għalkemm ikun hemm dik il-weġgħa li tilfu x-xogħol jafu li se jsibu l-appoġġ u l-għajnuna,” tenniet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
Dwar is-settur tas-sajd, hija qalet ukoll li huwa kruċjali li jkomplu jibnu aktar infrastruttura biex ikunu protetti l-portijiet. Fl-istess waqt, temmet tappella biex inkunu aktar sensittivi, peress li jsiru wkoll ċertu kummenti fuq il-midja soċjali fejn fi kliemha “mhux kulħadd japprezza kemm ikunu saru sagrifiċċji f’dan is-settur.”

