Għaddejjin b’ritmu tajjeb ix-xogħlijiet estensivi ta’ riġenerazzjoni fiċ-ċentru tal-Marsa mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, bil-proġett miexi f’diversi żoni u b’ħidma koordinata fuq l-infrastruttura tal-elettriku, l-ilma tax-xorb, id-drenaġġ u l-ispazji pubbliċi.
Il-Ministru Miriam Dalli żaret ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Gino Cauchi, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta Ryan Fava, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia, u rappreżentanti tal-Kunsill Lokali tal-Marsa.
Ix-xogħlijiet jinkludu t-tiswija ta’ ħajt li kien fih xi ħsarat u li jkopri żona ta’ 800 metru kwadru li jwassal sal-pjazza ewlenija. F’dan il-ħajt diġà sar xogħol ta’ waterproofing u rinfurz tal-pedamenti. Bħalissa għaddej ix-xogħol biex jinbena feature wall magħmul mill-ġebel tal-franka u blokki tal-kantun.
Madwar iz-zuntier tal-knisja, diġà ġew installati l-ewwel servizzi għad-dwal tat-toroq, kameras tas-sigurtà, sistemi tal-irrigazzjoni, infrastruttura għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi, u faċilitajiet għall-attivitajiet tal-lokal. Tlesta wkoll is-saff strutturali l-ġdid taz-zuntier, filwaqt li qed ikomplu x-xogħlijiet fiż-żoni pedonali u fuq il-pavimentar tal-madwar.
Fi Triq Balbi, tlesta l-pajp prinċipali l-ġdid tal-ilma tax-xorb kif ukoll tlestew il-konnessjonijiet mad-djar bejn Triq Qwabar u Triq is-Salib. Is-sistema l-ġdida għall-ġbir u t-tisfija tal-ilma tax-xita hija madwar 60% lesta, filwaqt li qed ikomplu x-xogħlijiet fuq in-netwerk tad-drenaġġ. L-infrastruttura pedonali tinsab ukoll fi stadju avvanzat.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan il-proġett qed jgħaqqad ir-riġenerazzjoni tal-ispazji ta’ barra ma’ investiment fl-infrastruttura essenzjali li taqdi lill-lokalità. “Dan mhuwiex sempliċiment proġett biex il-Marsa jkollha dehra ġdida. Qed nużaw din l-opportunità biex inġeddu l-infrastruttura taħt it-toroq tagħna, intejbu l-ispazji pubbliċi u l-aċċessibbiltà, u noħolqu ambjent aħjar għar-residenti, għan-negozji u għal kull min juża din iż-żona. Il-progress li qed naraw juri l-importanza li dawn l-interventi differenti jsiru b’mod koordinat bħala parti minn proġett wieħed komprensiv,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
L-Enemalta qed tinvesti madwar €400,000 biex issaħħaħ in-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’din iż-żona. Dan jinkludi 2.2 kilometri ta’ cables ta’ vultaġġ medju u 318-il metru ta’ cables ta’ vultaġġ baxx.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tbiddel ukoll il-pajpijiet prinċipali tal-ilma tax-xorb eżistenti u qed tinstalla pajp prinċipali ġdid ta’ 350mm qrib il-knisja u tul Triq is-Salib tal-Marsa. Il-Korporazzjoni se ttejjeb ukoll l-infrastruttura tad-drenaġġ f’din l-istess żona.
Il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir qed tikkoordina l-interventi differenti f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Enemalta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, il-Kunsill Lokali tal-Marsa u l-komunità lokali, b’attenzjoni partikolari biex jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti, għan-negozji u għall-attivitajiet tal-komunità.
