Sunday, December 29, 2024

Għaddejjin il-preparamenti meħtieġa biex ikompli x-xogħol ta’ riabilitazzjoni f’Wied il-Qlejgħa

Aqra wkoll

Bħalissa qed isiru t-tħejjijet meħtieġa, anke permezz ta’ tfassil ta’ sejħa għall-offerti, sabiex l-aġenzija Project Green tagħmel interventi fil-parti bejn Wied il-Qlejgħa u Wied il-Għasel. Ix-xogħol ta’ riabilitazzjoni u konservazzjoni se jkun jinkludi t-tneħħija ta’ materjal u ta’ speċi aljeni invażivi biex il-ħażna tal-ilma tkompli tiżdied hawnhekk ukoll.

Dan it-tagħrif ingħata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, fi tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari li sarulha mid-Deputat Nazzjonalista Rebakah Borg.

Il-Ministru Dalli fissret ukoll li se tinħoloq mogħdija kkontrollata bil-għan li l-post ikun iżjed aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ma ssir ħsara lill-ekosistema tal-post.

Hija fakkret ukoll li fl-aħħar snin, bejn l-2018 u l-2021, f’Wied il-Qlejgħa twettaq proġett ta’ riabilitazzjoni u konservazzjoni bis-saħħa tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma. Dan sar preċiżament mill-pont tal-Fiddien ‘il fuq, fejn hemm żewġ digi.

Il-Ministru Dalli żiedet tgħid li minn hemmhekk tneħħew l-ispeċi invażivi kif ukoll l-iskart u l-materjal li kienu nġemgħu wara d-digi biex setgħet tiġi restawrata l-water catchment capacity tagħhom. B’rabta ma’ dan, hija qalet ukoll li fil-preżent, b’koordinazzjoni mal-għaqda volontarja Nature Trust Malta, qed jiġi sostnut il-proċess ta’ restawr ekoloġiku. Il-Ministru Dalli sostniet li permezz ta’ dan il-proġett il-bdiewa tal-inħawi diġà bdew jagħmlu użu mill-ilma li jinħażen wara d-digi.

Hija qalet ukoll li l-metodoloġija ta’ dan l-intervent ġiet stabbilita b’koordinament sħiħ mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Ekonomija

Sport