Għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni f’Għar Lapsi

Aqra wkoll

Ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni u tisħiħ taż-żona ta’ Għar Lapsi qed jimxu ’l quddiem, b’diversi interventi diġà mwettqa mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u xogħlijiet oħra għaddejjin mill-kuntrattur biex tiġi rrestawrata u modifikata għall-aħjar l-infrastruttura li ġarrbet ħsarat estensivi kawża tal-maltempata Harry. Dan filwaqt li qed jittieħdu il-miżuri kollha biex tissaħħaħ il-protezzjoni kostali f’dawn l-inħawi.

Dan tħabbar waqt żjara li l-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli għamlet f’Għar Lapsi, bħala parti mill-kampanja ‘100 jum bis-saħħa tiegħek’, fejn ġiet spjegata l-ħidma li saret sa issa u l-interventi li għadhom għaddejjin u li huma ppjanati għal din iż-żona.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dan l-intervent huwa parti mill-impenn tal-Gvern li jwettaq il-wegħdiet tiegħu, hekk kif ir-riġenerazzjoni ta’ Għar Lapsi kienet inkluża fil-manifest elettorali tal-Gvern. Hija saħqet li l-ħidma qed issir biex, minbarra li jiġu indirizzati l-ħsarat ikkawżati mill-maltempata, iż-żona tingħata infrastruttura aktar sigura, aċċessibbli u reżiljenti. “Din hija wegħda li għamilna lill-poplu u li qed inwettqu. Qegħdin ninvestu f’Għar Lapsi biex nirrestawraw dak li ġarrab il-ħsara, intejbu l-aċċess għall-pubbliku u nsaħħu l-protezzjoni taż-żona, b’ħidma konkreta li twassal għal infrastruttura aktar sigura u reżiljenti għall-futur,” qalet il-Ministru Zerafa Civelli.

Min-naħa tiegħu l-Perit tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi Mario Ellul spjega li l-ħaddiema tad-Dipartiment qed ikollhom rwol ċentrali fir-restawr u l-bini mill-ġdid tal-infrastruttura f’Għar Lapsi, b’ħidma diretta fuq il-post biex jiġu indirizzati l-ħsarat li kkawżat il-maltempata Harry. Permezz tax-xogħol tagħhom, il-ħaddiema ffurmaw mill-ġdid ir-rampa li tagħti għall-Bajja ta’ Għar Lapsi u bnew mill-ġdid il-pjattaforma tal-konkos permezz ta’ blokok prefabbrikati, filwaqt li wettqu wkoll ix-xogħol meħtieġ biex jitlesta s-slipway.

Huwa spjega li l-ħidma tal-ħaddiema tad-Dipartiment se tkompli fil-ġimgħat li ġejjin, b’interventi oħra mmirati biex jerġa’ jissaħħaħ l-aċċess għall-bajja. Fost dawn hemm it-tkomplija tat-tneħħija tal-blat sabiex jieħu l-forma u jitlesta l-passaġġ, il-kostruzzjoni tal-jetty li se jipprovdi aċċess għall-għawwiema, kif ukoll it-tfassil u l-bini ta’ taraġ ġdid.

Min-naħa tal-kuntrattur, il-ħidma qed tiffoka fuq it-tisħiħ tal-istrutturi u l-protezzjoni taż-żona mill-elementi tal-baħar. Bħalissa qed jitkompla x-xogħol fuq il-pedamenti tal-ħajt ta’ protezzjoni, b’din il-parti tax-xogħol diġà fi stadju avvanzat u qed tkompli lejn in-naħa ta’ isfel tar-rampa.

Bħala parti minn dan l-intervent, sar ukoll xogħol minn fuq il-baħar permezz ta’ faċilitajiet u makkinarju minn fuq braken sabiex jiġi rilokat il-blat kbir li kien iċċaqlaq kawża tal-maltempata. Dan il-blat qed jiġi spustjat biex fl-istess waqt jintuża bħala ilqugħ fuq in-naħa ta’ barra tal-ħajt. B’hekk ikun qed jifforma barriera naturali u addizzjonali kontra l-mewġ u l-elementi tal-baħar, filwaqt li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-infrastruttura.

Għaddejjin ukoll xogħlijiet biex jitwasslu u jingħataw is-servizzi li kienu ġarrbu ħsarat waqt il-maltempata. Qed jiġu mgħoddija diversi mains kemm tad-dawl kif ukoll tal-ilma, li jwasslu għad-diversi binjiet u strutturi tal-inħawi.

Fil-fażi tax-xogħol li jmiss, il-ħidma se tiffoka fuq it-tlestija tal-pedamenti fil-parti ta’ isfel tar-rampa, kif ukoll il-kostruzzjoni tal-ħajt u tal-moll.  Jibqa’ wkoll għaddej b’ritmu it-tqegħid tal-ġebel u blat, li se jkun qed jipproteġi il-kosta ta’ din iż-żona.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport