Caritas Malta tiċċelebra l-Jum Internazzjonali għall-Anzjani … “Ma Ninsiek Qatt”

Aqra wkoll

Il-Ħamis l-1 ta’ Ottubru 2026, Caritas Malta ċċelebrat il-Jum Internazzjonali għall- Anzjani b’ċelebrazzjoni ta’ Quddiesa fil-Bażilika Minuri ta’ Kristu Re, Raħal il-Ġdid, bit-tema Ma Ninsiek Qatt.

Għal din l-okkażjoni attendew numru sabiħ ta’ anzjani, b’aktar minn elf ruħ li ngħaqdu f’din iċ-ċelebrazzjoni li kienet mument ta’ talb, għaqda, gratitudni u apprezzament lejn l-anzjani tagħna. Preżenti kien hemm anzjani li jgħixu fil-komunitajiet parrokkjali kif ukoll residenti minn djar tal-anzjani madwar Malta.

Il-Quddiesa kienet iċċelebrata minn Mons. Martin Micallef, Vigarju Episkopali għall-ħidma fid-Djakonija, li miegħu Caritas Malta tesprimi l-gratitudni tagħha għall-preżenza u l-ħidma tiegħu f’din l-okkażjoni. Flimkien miegħu kien hemm jikkonċelebraw bosta saċerdoti oħra fosthom saċerdoti anzjani mid-Dar tal-Kleru.

Għal din l-attività attendew ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva l- Onor. Deo Debattista, kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva l-Onor Paula Mifsud Bonnici, kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa l-Onor Stephen Spiteri, is- Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid is-Sur Jason Silvio, il-Kap Eżekuttiv, Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Dr Steve Agius, u d-Direttur tad-Djar tal-Knisja għall-Anzjani s- Sur Andrè Vassallo Grant fost oħrajn.

Matul l-attività ngħatat ukoll xhieda sabiħa tar-residenti mill-Programmi ta’ Riabilitazzjoni ta’ Caritas Malta li assistew lill-anzjani bħala esperjenza ta’ giving back. Wieħed mir-residenti qal kliem li jiġbor fih is-sens ta’ gratitudni u mħabba li għandna lejn il-ġenerazzjoni li tat tant lis-soċjetà tagħna:

“Lilna tawna ħafna; issa jmiss lilna li nagħtuhom xi ħaġa lura.”

Dawn il-kliem jirriflettu l-ispirtu ta’ din il-ġurnata: li niftakru fl-anzjani tagħna, napprezzaw dak kollu li taw lill-familji, lill-komunitajiet u lis-soċjetà, u nkomplu nuru magħhom rispett, kura u mħabba.

Caritas Malta tirringrazzja b’mod speċjali lil Mons. Martin Micallef, lill-istaff ta’ Caritas Malta, lir-residenti u lill-volontiera kollha li taw is-sehem tagħhom biex din l-attività tkun suċċess u tkun ċelebrazzjoni li tassew tixraq lill-anzjani tagħna.

Grazzi wkoll lill-awtoritajiet kollha li taw l-għajnuna tagħhom, b’mod partikolari lill- Kappillan Fr Marc Andre Camilleri li laqagħna fil-parroċċa ta’ Raħal Ġdid, lis-Sindku Jason Silvio, lill-Community Police ta’ Raħal il-Ġdid, Transport Malta u St John Ambulance, kif ukoll lil kull min b’xi mod ta l-għajnuna tiegħu u kkontribwixxa biex din l-attività tkun tista’ ssir b’mod organizzat u sigur.

Il-Jum Internazzjonali għall-Anzjani huwa okkażjoni biex mhux biss niċċelebrawhom, iżda biex inkomplu nsaħħu l-impenn tagħna li ma ninsew qatt lil dawk li taw tant u li llum jixirqilhom ikomplu jkunu ċċelebrati, mismugħa u apprezzati.

Caritas Malta tibqa’ impenjata li tkun qrib l-anzjani u tkompli tagħti l-kontribut tagħha biex ħadd ma jħossu waħdu jew minsi permezz tal-ħidma tagħha ma’ anzjani vulnerabbli.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport