Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jibqa’ jħalli l-pajjiż imdendel fuq il-ħatra ta’ Prim Imħallef. Għaddiet iktar minn ġimgħa u baqa’ ma weġibx iva jew le dwar it-tieni nomina li ressaq il-Gvern għal President tal-Qorti.
Wieħed jistenna maturità u responsabbiltà politika minn Oppożizzjoni li minflok qed tinħeba wara żviluppi li dwarhom il-Prim Ministru saħansitra anki l-preskrizzjoni neħħa għax ma għandu xejn x’jaħbi.
Huwa tassew surreali li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jistenna risposti meta huwa hu li għandu jagħti t-tweġibiet fuq il-proposta li ressaq il-Gvern.
Sa issa baqa’ ma tax għax Alex Borg diġà tilef il-kontroll tal-partit tiegħu stess. L-estremisti qed jiddettawlu li ma jweġibx fuq in-nomina tal-Gvern għax għalihom l-interess partiġġjan hu bil-wisq aktar importanti mill-ġid veru tal-bajda u l-ħamra.
L-Erbgħa 18 ta’ Frar il-Gvern ressaq it-tieni isem. Nhar it-Tnejn 23 ta’ Frar saret laqgħa oħra fejn l-Oppożizzjoni kellha tagħti tweġiba ta’ iva jew le fuq in-nomina tal-Gvern. Sa issa skiet itarrax u ma smajna xejn minn Oppożizzjoni li qed tibqa’ tiddeċiedi li ma tiddeċiedix.
Min mhux kapaċi jiddeċiedi ma jistax jiġi fdat biex jieħu d-deċiżjonijiet fl-interess tal-pajjiż.

