Thursday, April 18, 2024

GĦADDIET SENA OĦRA

Aqra wkoll

Għaddiet sena oħra – it-tieni sena fejn il-pandemija tal-COVID-19 kienet l-akbar forza li ħakmet lid-dinja.  Ma jfissirx li ma kienx hemm differenza bejn l-ewwel sena u t-tieni.

Fl-ewwel sena d-dinja għaddiet minn xokk kbir.  Ir-raġuni hi li dan kien virus ġdid li kważi ma konna nafu xejn dwaru.  Kien għalhekk li peress li beda jinxtered mad-dinja kollha b’rata mgħaġġla kbira u peress li ħadd ma rnexxielu ma jħallihx jidħol f’pajjiżu, kien hemm bżonn ta’ miżuri kbar u qawwija. L-akbar impatt kien fuq il-ħajjiet tal-anzjani.  F’dik is-sena tlifna miljuni ta’ nies.  

Ir-raġuni kienet li kien diffiċli li kulħadd jirrealizza l-impatt li kienet qed iġġib il-ħajja soċjali tagħna fuq l-imxija.  Ir-raġuni hi li l-ħajja soċjali hi parti integrali għal bniedem.  Kull soċjeta’ għandha l-użanzi tagħha.  Hemm soċjetajiet fejn din ir-relazzjoni mhix daqshekk qawwija minħabba li ċerti soċjetajiet kienu mdorrija li jqattgħu parti minn ħajjiethom ‘il bogħod mill-familja.  Soċjetajiet oħra, bħal Malta, fejn pajjiżna hu żgħir ħafna, il-kuntatti bejn il-familji u l-ħbieb huma qawwija ħafna minħabba l-kuntatt kontinwu.  Fil-fatt hu diffiċli li f’Malta tmur f’xi post u ma ssibx lil xi ħadd li jafek. L-istess meta nimxu flimkien ma nżommux distanza u nimxu qiesna ħaġa waħda. 

Aktar mal-ħaġa tkun ġdida u perikoluża, il-probabilità hi li nkunu nafu ħafna anqas dwarha – kif ġralna fil-COVID-19.  Meta s-sitwazzjoni tkun hekk aktar inkunu rridu nsiru nafu u għalhekk inżidu l-kuntatti bejnietna.

Meta l-affarijiet kienu bdew jikbru, aktar kien hemm bżonn ta’ deċiżjonijiet.  U l-Gvern dawn ħadhom.  L-akbar miżura kienet il-lockdown fejn il-familji, ħlief dawk li kellhom lil xi ħadd minnhom jaħdem f’xi settur essenzjali, kulħadd kien kwarantina.  Din l-aktar li laqtet kienu l-anzjani u lin-negozji. 

Konklużjoni importanti li kienet ittieħdet mill-Gvern fl-ewwel żminijiet kienet li hemm relazzjoni importanti bejn is-saħħa u l-ekonomija.  Mhux hekk biss, imma li jrid jintlaħaq bilanċ.  Din kienet konklużjoni li ħafna pajjiżi ma waslux għaliha.  Kien hemm pajjiżi li għalihom l-ekonomija kienet aktar importanti mis-saħħa u għalhekk ir-restrizzjonijiet kienu baxxi bir-riżultat li spiċċaw b’numru ta’ mwiet li kien jikkompara sew ma li kieku l-pajjiż kien fi gwerra.  Dawn ma kienux pajjiżi tat-Tielet Dinja imma fosthom kien hemm l-Istati Uniti u r-Renju Unit. U anke l-Brazil Malta wkoll kien hawn min m’aċċettax li l-bilanċ  irid jinżamm u l-Gvern kien ikkritikat għaliex ħa passi biex jipproteġi sew is-saħħa tan-nies u l-ekonomija fl-istess ħin.  Ir-riżultati rajnihom din is-sena għaliex l-ekonomija tagħna rkuprat aktar milli kien imbassar u mistenni bl-għajnuna li ta’ l-Gvern lis-setturi kollha. Ta’ dan ħa prosit, għaliex l-Oppożizzjoni ħarġet tgħid li berbaq il-flus!

F’dik is-sena wasalna għal konklużjoni oħra.  Dik li ser nibdew ngħixu f’realtà ġdida.  

Din is-sena bdiet b’tamiet ħafna aħjar peress li kienu ġew żviluppati vaċċini li kienu effettivi b’rata għolja.  L-effett pożittiv tal-vaċċin ma kienx biss kontra l-COVID-19 imma wkoll psikoloġiku.  Meta n-nies bdew jitlaqqmu bil-vaċċin ir-rata ta’ infezzjonijiet bil-COVID-19 naqas u għamilna żmien fejn kważi l-infezzjonijiet kienu kollha kkontrollati.  

Peress li kien hemm dan l-effett pożittiv, insejna li r-realta’ nbidlet u erġajna morna lura għar-realta’ antika meta l-virus COVID-19 ma kienx jeżisti.  Dan kien sew ir-riżultat ta’ kemm kien effettiv il-vaċċin u anki kemm kien hemm nies li tlaqqmu.  Il-maġġoranza tan-nies mhux biss ħadu l-ewwel tilqima imma anki t-tieni u b’hekk kellna ċans li ngawdu s-sajf qisu qatt ma kien hawn COVID-19.  

Kien għalhekk li nsejna dak li qalu l-esperti mill-bidu ta’ meta deher il-virus – li sakemm in-nies kollha tad-dinja jieħdu l-vaċċin, il-pandemija ser tibqa;’ peress li l-COVID-19, bħal kull virus ieħor, wara ftit ivarja u b’hekk ikun hemm virus tal-istess familja imma differenti.  La jkun differenti, ikollu effetti differenti.  U hekk ġara.  Il-virus wara ftit xhur żviluppa f’virus ieħor.  Ħaġa li kellu dan il-varjant  ġdid kienet li jinfirex malajr.  U hekk ġara għax infirex mad-dinja kollha, inkluża Malta.  

Waħda mill-akbar raġunijiet kienet li kien hemm nies li ma tlaqqmux.  Dan ġara anki f’Malta.  Għad hawn nies li ma tlaqqmux għax bdew jgħidu li għalxejn.  Barra l-protesti pubbliċi li saru, l-akbar effett kien fuq is-social media fejn dawk li ma riedux jieħdu l-vaċċin bdew ixerrduha li għalxejn tieħu l-vaċċin.  Dan minkejja li r-realta’ wriet  xena differenti.  Dawk in-nies li kienu tlaqqmu u ġew infettati bil-virus, l-effett kien wieħed ħafif.  Dan għadna narawh sal-lum fejn in-numru ta’ infezzjonijiet sploda b’mod fenominali, imma n-numru ta’dawk in-nies infettati li kellhom bżonn kura fl-isptar, għadu wieħed baxx.  

Hi ħasra li s-social media tħalliet tintuża b’dan il-mod.  Is-social media għenet fl-ewwel mewġa għaliex tatna opportunita’ li nikkomunikaw ma’ xulxin minkejja r-restrizzjonijiet li kien hemm bżonn jittieħdu.  Hi ħasra li l-media soċjali mhix qed tintuża min-nies biex huma juruna l-esperjenza tagħhom kif irnexxielhom li jgħixu tajjeb billi adattaw ċerti miżuri biex ukoll jipproteġu ruħhom.

Dan hu importanti, għaliex dan il-virus mhux ser jispiċċa fi żmien qasir.  Hu għalhekk li rridu nadattaw ruħna għal dawn iċ-ċirkostanzi ġodda.  Din mhix xi ħaġa ġdida.  Eżempju hi l-influwenza li kull sena toħroġ varjant ġdid.  Il-bniedem adatta għaliha u hekk għandna nagħmlu għall-COVID-19.  

Sintendi bħal ma ħadna miżuri kontra l-influwenza u dawn il-miżuri llum saru parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum hekk għandna nagħmlu għall-COVID. Fost il-miżuri li ħadna kontra l-influwenza kien hemm li bdejna nużaw l-imkatar, jew tissues, meta nagħtsu.  Miżura oħra hi li meta bniedem iħoss li għandu l-influwenza, jiżola ruħu jew kif qed ngħidu llum, jagħmel kwarantina.  Insibu wkoll li kull sena qed ikollna vaċċin ġdid biex nikkontrollaw aktar.  Il-periklu tal-influwenza mhux baxx lanqas għax kull sena ikollna numru sew ta’ mwiet minħabba fiha.  

Illum hekk għandna nagħmlu.  Indaħħlu ċerta miżuri kontinwament.  Fost dawn ma narax x’hini d-diffikultà li nibdew nilbsu l-maskra kuljum meta nkunu ser immorru postijiet fejn hemm nies oħra. L-istess nemmen li kulħadd għandu jkollu d-dmir li jieħu l-vaċċin biex barra li jipproteġi lilu nnifsu, jipproteġi s-soċjetà.  Nemmen ukoll li nies li ma jitlaqqmux, m’għandhomx jitħallew iżuru postijiet fejn hemm in-nies.  

Sfortunatament għad hemm min jirraġunaw li ma jridux jieħdu l-booster għax issa peress li ħadu it-tieni tilqima tal-vaccini malajr jgħaddilhom jekk jimirdu.  Ma jqisux li meta jeħduha din se tagħmel tajjeb lilhom u lil ħaddieħor!

Nittama li mis-sena l-ġdida n-nies waħedhom jibdew jadattaw il-miżuri biex b’hekk ma jkollniex il-bżonn li nirrestrinġu ruħna minn affarijiet li llum saru importanti biex il-bniedem ikun jista’ jgħix ħajja tajba.

Ekonomija

Sport