“Għadhom kif ċempluli mis-CID tal-Pulizija biex għada mmur id-Depot ħalli jinterrogawni dwar dak li żvelajt sentejn ilu fil-ktieb Pilatus. Infakkar li f’dan il-ktieb ippubblikajt provi dwar qerq, ħasil ta’ flus ġejjin minn attivitajiet kriminali, u cover-up li sar b’konfoffa bejn il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali”
Dan iddikjarah l-Avukat Robert Aquilina permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali, fejn qal ukoll; “Il-Pulizija qaluli li l-interrogazzjoni ta’ għada se ssir abbażi ta’ ordni li tat il-Maġistrat Nadine Sant Lia”
Iddikjara; “Nagħmilha ċara li filwaqt li se nobdi l-ordni tal-Pulizija u għada se mmur għall-interrogazzjoni, jiena fl-ebda mument u taħt l-ebda ċirkostanzi mhu se nkun qed nikxef min huma s-sorsi tiegħi”
Tenna li; “Is-sorsi tiegħi huma eroj li mingħajrhom ma stajniex inkunu nafu l-ħmieġ li riedu jaħbulna. Nassigura lil kulħadd li ma jien se nħalli lil ħadd jippersegwitahom, akkost li nbati l-konsegwenzi kollha waħdi”.