Minn Cristian Muscat
ĠIBILTÁ……………… 1
MALTA……………….. 1
Malta kitbet l-istorja meta għall-ewwel darba mhux talli rbaħna grupp ta’ kompetizzjoni Ewropea talli rbaħna Diviżjoni D tal-UEFA Nations League.
Dan seta’ jsir hekk kif it-team immexxi mill-coach, Emilio De Leo spiċċa fi draw ta’ 1-1 kontra Ġibiltá liema partita stajna rbaħna b’erba’ jew aktar goals iżda fallejna bosta okkażjonijiet ta’ goals.
B’dan id-draw ksibna l-istess ammont ta’ tmien punti daqs l-Azerbaijan iżda b’differenza ta’ goals aħjar … u għaldaqstant issa jeżisti ċans kbir li l-Maltin jidħlu fi play-off għall-Euro 2028.
Għall-kronaka, kienu l-Maltin li ħolqu l-ewwel periklu fis-sitt minuta meta Irvin Cardona kellu l-konklużjoni fil-baxx minn taħt il-lasta tiġi salvata kważi minn fuq il-linja.
Ġibiltá wieġbu fit-13-il minuta meta James Scanlon kellu x-xutt mblukkat minn Kurt Shaw, biex mill-azzjoni li segwit Dylan Borge kellu t-tentattiv jintemm barra.
Iżda kienet Malta li resqet viċin li tiftaħ l-iskor mal-kwarta logħob meta Beranardo Lopes fit-tentattiv li jikklerja, laqat ħażin, bil-ballun jaħbat mal-mimduda biex kważi kkommetta auto-goal sfortunat.
Fid-19-il minuta, il-Maltin meritatament fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ free-kick mogħti minn Teddy Teuma, il-ballun intemm għand KURT SHAW li min-nofs tal-kaxxa spara l-ballun fix-xibka.
Fit-23 minuta, Juan Carlos Corbalan inidirzza cross fid-direzzjoni tal-captain Matthew Guillaumier li kellu d-daqqa ta’ ras mill-viċin tintemm ftit barra.
Erba’ minuti wara, kien Ilyas Chouaref li tefa’ cross li sab lil Teddy Teuma li kellu daqqa ta’ ras oħra mill-viċin tfalli l-mira.
Fil-31 minuta, Malta falliet ċans ieħor meta Corbalan għadda tajjeb lejn Joseph Mbong li min-naħa tiegħu tefa’ cross lejn Irvin Cardona li bit-takkuna għadda l-ballun lejn Chouaref li minn taħt il-lasta tefa’ inkredibbilment għoli.
Sitt minuti wara, Brandon Paiber kellu xutt b’saħħtu salvat tajjeb mill-goalkeeper ta’ Ġibiltá, Jaylain Hankins.
Fl-40 minuta, Joseph Mbong, kien għoddu rdoppja l-iskor għall-Maltin meta wiċċ imb’wiċċ ma’ Hankins, ra lil dan tal-aħħar isalva tajjeb.
Fit-tieni taqsima, il-partita naqset ftit mir-ritmu, bl-azzjoni denja ta’ nota sussegwenti tasal biss fit-63 minuta, min-naħa tal-Maltin meta Ilyas Chouaref qabeż tajjeb żewġ players avversarji qabel veneven xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa li ħareġ l-aħjar ta’ Hankins li dawwar f’corner bi bravura.

Il-Maltin komplew fuq l-offensiva u, erba’ minuti wara, Teuma mpenja lil Hankins b’xutt sabiħ li ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper avversarju.
Fis-77 minuta, Irvin Cardona minn anglu magħluq kellu xutt mill-viċin li ħabat max-xibka minn barra, biex ta l-illużjoni tal-goal.
Peró, fil-81 minuta, kontra x-xejra tal-logħob, Ġibiltá kisbu d-draw meta James Scanlon għadda tajjeb lejn is-sostitut CARLOS RICHARDS li permezz ta’ xutt b’saħħtu minn pożizzjoni ferm angolata ma ħafirx biex ħasad għal kollox lill-kamp Malti.
Fl-aħħar sforz, Malta wieġbet fit-88 minuta permezz ta’ xutt b’saħħtu ta’ Cardona, li iżda, naqas li jinkwadra l-lasta.
Ġibiltá: Jaylain Hankins, Julian Valarino, Nicholas Pozo, Daniel Bent, Bernardo Lopes, Kian Ronan (Liam Jessop 75), Dylan Borge (Carlos Richards 64), James Scanlon, Louie Annesley (Paddy McClafferty 88), Leon Mason (Jesse Gomez 64), Graeme Torrilla – Coach: Scott Wiseman
Malta: Henry Bonello, Ryan Camenzuli, Kurt Shaw, Matthew Guillaumier, Joseph Essien Mbong (Paul Mbong 77), Brandon Paiber, Teddy Teuma (Kevin Cannavo’ 77), Irvin Cardona, Enrico Pepe, Ilyas Chouaref (Basil Tuma 84), Juan Carlos Corbalan (Gabriel Bohrere Mentz 89) – Coach: Emilio De Leo
Referee: Berke Balazs (Ungerija)
assistenti: Vencel Toth, Balazs Buzas (Ungerija)
Raba’ Uff.: Gergo Bogar (Ungerija)
Skorers: K. Shaw 19 (M), C. Richards 81 (Ġ)
Ammoniti: N. Pozo, G. Torrilla (Ġ)
Attendenza: 1,095




