Monday, December 23, 2024

Għadna ma drajniex

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa n-numri ta’ nies infettatti mill-Coronavirus kienu għoljin sew.  Biss ħaġa li nnutajt kienet li għalkemm din kienet qed tinkwieta n-nies, għall-maġġoranza, din ma kinitx l-aktar ħaġa f’moħħhom.  Bħas-soltu, in-nies kont stajt taqsamhom fi tlieta.

Kellek dawk li qiesu ma ġara xejn u meta tkellmu fuq din il-mixja għolja kienu qieshom li aċċettaw is-sitwazzjoni kif inhi.  Ħafna minn dawn in-nies reġgħu lura għall-ħajja kif konna nafuha sena ilu.  Is-sitwazzjoni aċċettawha kompletament bil-ħażin kollu tagħha.  L-attitudni hi simili għall-attitudni ta’ ħafna nies fuq id-drogi.  Id-droga mhix tajba u tagħmel id-deni biss din ma taffettwax lil kulħadd u peress li lili ma laqtitnix, m’għandix nikkonfondi.  Lanqas ma tant iħabblu rashom fuq l-imwiet.  Jgħidulek l-imwiet dejjem kienu magħna u billi jitilgħu ftit ieħor, ma jkun ġara xejn.

Bħal ma ktibt, għal dawn in-nies qiesu mhu qed jiġri xejn.  Sakemm is-sitwazzjoni ma tolqotx lilhom, ma jimpurtahomx.  Din hi l-attitudni li qed tmexxi dan il-virus.  Jekk ma tgħallimna xejn din is-sena, tgħallimna li bl-użanzi u drawwiet li kellna fil-ħajja ta’ qabel ma tfaċċa dan il-virus, dan il-virus jinfirex sew.  U dak li qed jiġri. 

Peress li n-numri telgħin ġmielhom, jidher li dan il-grupp qed jikber mhux ħażin.  Jekk dan il-grupp ikompli jikber, is-sitwazzjoni ser tkompli teħżien. 

Min-naħa l-oħra, għandek il-grupp li reġa’ mar għas-sitwazzjoni kif kienet f’Marzu.  Il-coronavirus għadu jiddomina ħajjiethom.  Dan il-grupp, bħal ta’ qablu, għadu jaċċetta li l-ħajja tal-lum għandha tkun bħal ma kienet qabel.  Id-differenza kbira mill-grupp ta’ qabel hi li dawn mhux lesti li jaċċettaw il-konsegwenzi tal-virus.  Hu għalhekk li dawn, reġgħu qed jirristrinġu ħajjiethom u lesti li jieħdu passi drastiċi biex ikunu żguri li ma jittieħdux minn dan il-virus.  Minħabba f’hekk, dan il-grupp qed joħloq pressjoni kbira fuqu.  Ir-raġuni hi li l-bniedem hu annimal soċjali u għalhekk ma jistax jgħix bħala eremita.

Din tapplika għall-affarijiet oħra.  Għal dan il-grupp għandna nerġgħu nagħlqu l-ekonomija.  L-istess bħan-natura tal-bniedem, l-ekonomija ma tistax tingħalaq.  Jekk, il-bniedem ma jipproduċix ma jkollux x’jiekol.  Jekk nagħlqu l-ekonomija nerġgħi maraw il-foqra fit-toroq tagħna.

Hu tajjeb li l-partiti politiċi jkunu sensittivi għas-sitwazzjoni, biss ma nistgħux immorru għall-estrem bħas-suġġeriment li sar mill-PN taħt suppost tmexxija ‘ġdida’ li niddikjaraw stat ta’ emerġenza.  Barra d-dell faxxista ta’ din il-proposta, hemm it-tensjoni kbira li toħloq fil-pajjiż.  Lanqas nistgħu immorru għall-ipokrita meta jkollok mexxej ta’ partit li llum qed jipprietka aktar miżuri meta hu stess minkejja li kellu l-mara infettata bil-virus, ġie jitmejjel mill-kwarantina u ħareġ jikkampanja!

F’dan il-grupp insibu wkoll ċerti junjins.  Hu tajjeb li nieħdu il-prekawzjonijiet kollha.  Biss irridu nsibu bilanċ.  Għandek ċerta junjins li jridu jniżżlu r-riskju għal zero.  Fit-tijorija tagħhom dan hu possibli.  Fir-realta’ dan mhux possibli.  Dan għaliex biex tnaqqas ir-riskju għal dan il-mod trid tieħu passi li joħolqu pressjoni kbira fuq il-bniedem.  Jekk nieħdu l-iskejjel, bħala eżempju, tajjeb li ħadna dawk il-prekawzjonijiet.  Biss minħabba dawk il-miżuri kollha din qed toħloq pressjoni kbira fuq l-għalliema u anki t-tfal.  S’issa tidher li l-aktar pressjoni hi fuq l-għalliema li qed isibuha iebsa biex jgħallmu għal sigħat b’dawk ir-restrizzjonijiet.  Tajjeb li l-junjins jieħdu ħsieb il-membri tagħhom, imma jridu jaraw li dak li jitolbu ma joħloqx pressjoni kbira fuq l-istess membri tagħhom.

B’daqshekk, għandna nerġgħu mmorru lura u nħallu kollox jimxi għar-rieħu jew li nagħlqu l-iskejjel?  Bħal l-iskejjel, hemm il-postijiet tax-xogħol.  It-teleworking hu tajjeb biss xorta hemm il-limitu.  Tkellem ma’ min ilu jaħdem mhux ħażin teleworking u wara li titkellem ftit tittendi li anki t-teleworking għandu l-limitu tiegħu.  Il-fatt li ħaddiem ma joħroġx u ma jiltaqax ma’ sħabu, toħloqlu pressjoni.  L-ewwel hi li wara ftit jibda jintelaq.  L-irġiel jibdew ma jqaxxrux leħja u n-nisa jibdew iħossu n-nuqqas li mhux qed jilbsu differenti kuljum.  Jidhru li huma affarijiet żgħar imma li għandhom effett qawwi wara ċertu żmien.

U hawn nerġgħu mmorru għar-realta’ ġdida li hi bbażata fuq bilanċ.  Waħda mill-affarijiet li titgħallem fil-management hi dik li tissejjaħ 80:20.  Din hi bbażata fuq l-esperjenza.  Il-maġġoranza tal-affarijiet tkun kapaċi li tlesti 80% minnhom f’madwar 20% ta’ sforz li tieħu biex tlestihom.  Imma din qed tgħidlek ukoll li jekk trid il-perfezzjoni u tieħu ħsieb l-aħħar 20%, ser ikollok tagħmel 4 darbiet sforz milli ħadt biex tlesti t-80% tal-oġġett. Hu għalhekk importanti l-bilanċ u li trid tqabbel il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull restrizzjoni li tagħmel. 

Din is-sena l-esperjenza wrietna dan.  Meta fil-bidu morna lejn riskju zero, ħloqna pressjoni kbira fuq ħajjietna u litteralment qtilna l-ekonomija għal dak il-perjodu.  Allaħares ma konniex ħsibna biex inġemmgħu qabel għax li kieku numru sew tan-nies kienu jispiċċaw bil-ġuħ bħal ma ġara f’pajjiżi oħra. 

Biss il-bilanċ ifisser ukoll li rridu nġorru r-responsabbilta’ u li r-responsabbilta’ jrid iġorrha kulħadd – mill-kbir saż-żgħir.  Hu importanti li ninfurzaw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.  Biss dan ma jkunx biżżejjed.  Ir-raġuni hi li min jinforza l-liġi ma jistax ikun kullimkien.  Biex isir hekk, barra li nsiru ‘police state’, ikollna bżonn nofs il-popolazzjoni tgħasses fuq in-nofs l-ieħor.  Hu għalhekk li rridu nieħdu r-responsabbilta’ aħna stess.  Per eżempju, hi xi ħaġa impossibli li nidraw nilbsu l-maskri ‘l ħin kollu meta noħorġu mid-dar?  Għal xi wħud tidher diffiċli.  Biss jekk niftakru ftit anki fi żmien qabel din il-pandemija, niftakru li konna naraw ħafna turisti li jiġu mill-pajjiżi bħal Ġappun kienu jilbsu il-maskra ‘l ħin kollu.  Tant kienu drawha li saret xi ħaġa normali.  Dan bħal meta jkollna bżonn nuċċali.  Għall-ewwel idejqek imma wara ftit tibda tħossok mitluf jekk ma ssibx in-nuċċali ‘l ħin kollu. 

Hu meta nġorru r-responsabbilta’ aħna stess li l-affarijiet isiru aktar sempliċi u nkunu drajna li ngħixu r-realta’ ‘l ġdida b’mod uman u nkunu nistgħu ngawdu l-ħajja ġdida b’mod normali. 

Charles Caruana Carabez:   

Nixtieq nuri d-dispjaċir tiegħi għat-telfa ta’ Charles matul din  il-ġimgħa.  Dejjem impressjonani għax kien jieħu l-affarijiet bis-serjeta’ u kien bniedem li jaġixxi.  Dejjem ħadem biex is-sistema tal-edukazzjoni tagħna tiżviluppa.  Imma l-aktar ħaġa i dejjem laqtitni kienet li dejjem kien jiffoka fuq l-interessi tal-istudenti.

Ekonomija

Sport