Saturday, December 21, 2024

“Għadna neqsin mis-sigurtà f’postijiet pubbliċi” – Maria Deguara

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Parlament illejla tkellmet ukoll id-Deputata Nazzjonalista Maria Deguara li qalet li wara l-mewta traġika ta’ Paulina Dembska li seħħet kmieni filgħodu f’post pubbliku ħareġ fil-beraħ kemm f’pajjiżna għadna neqsin mis-sigurtà f’postijiet pubbliċi. 

Hija enfasizzat fuq l-importanza li tiżdied is-sorveljanza ta’ postijiet pubbliċi mhux biss matul il-lejl imma anke matul il-jum. Sorveljanza li fi kliemha għandha tkun mhux biss b’sistemi ta’ CCTVs imma wkoll bil-preżenza fiżika tal-membri tal-Korpi li jieħdu ħsieb l-infurzar tal-liġi.

Deguara qalet ukoll li l-prevenzjoni tibqa’ l-akbar għodda tagħna. Qalet li l-Ministeru tal-Edukazzjoni u dak tas-Saħħa għandhom bejniethom jipprovdu taħriġ biex ikollna professjonisti li jidentifikaw studenti li sa minn età żgħira juru li għandhom bżonn għajnuna f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa mentali.

Qalet li meta dawn jingħataw għajnuna minn kmieni ħafna minnhom jirnexxilhom jibqgħu jgħixu ħajja normali ma’ sħabhom u fil-komunità. “B’hekk inkunu qed innaqqsu safejn hu possibbli d-delikwenza fis-soċjetà tagħna aktar tard.”

“Irridu nammettu li dan id-delitt uriena kemm bħala soċjetà baqagħlna ħafna x’nagħmlu fil-kamp edukattiv, f’dak tas-sigurtà pubblika u f’dak li għandu x’jaqsam mat-trattament tas-saħħa mentali.

“Imma issa ‘l quddiem irridu nsaħħu dawn it-tliet pilastri jekk verament u safejn hu possibbli stejjer ta’ femiċidju ma jerġgħux jirrepetu ruħhom,” temmet tgħid Deguara. 

Ekonomija

Sport