Saturday, November 16, 2024

Għadni determinat li nasal fejn dejjem xtaqt fil-futbol – Jamie Camilleri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Il-passjoni tal-futbol minn dejjem kienet hemm, peró ikolli ngħid minn fejn bdiet l-imħabba u r-rieda li nilgħab kienet minħabba Alessandro Del Piero. Del Piero kien plejer li dejjem xtaqt li nqabbel ruħi miegħu, kien jaf jilbes, kien jaf jitkellem mal-media, imma kien dejjem jagħti qalbu fil-grawnd għall- flokk. Barra minn hekk, kien plejer ta’ klassi straordinarja!

X’tikkummenta fuq l-aħħar staġun ta’ Pembroke Athleta FC fl-Amateur League?

Jien ingħaqadt ma’ Pembroke f’Jannar li għadda, u nista’ ngħid li mill-ewwel kont naf għalxiex dieħel. L-iskwadra tagħna kienet tikkonsisti minn taħlita ta’ plejers żgħar u plejers esperjenzati fil-futbol Malti … tim determinat bi kwalitá tajba ħafna. Stajna nagħmlu ħafna aħjar bil-livell tal-plejers li kellna iżda, il-football dak is-sabiħ tiegħu, xejn mhu garantit. Ngħid ukoll li bħala tim, aħna konna kkunsidrati bħala wieħed minn dawk it-timijiet li kienu se jaqgħu. Bid-determinazzjoni tal-klabb, aħna wasalna għat-tragward tagħna li nibqgħu fil-livell li jistħoqqilna u nippreparaw għal li jmiss.

X’tikkummenta fuq il-kowċ Jeffrey Mifsud?

Il-kowċ Jeffrey Mifsud huwa biedem metikoluż u dedikat ħafna. Il-passjoni li għandu lejn il-futbol u lejn il-plejers tiegħu turi fit-taħriġ tiegħu kif ukoll fil-preparamenti ta’ qabel il-logħba. Huwa bniedem li jimpurtah mill-plejers tiegħu u għalija dak huwa fattur importanti ta’ kowċ, li kulħadd iħossu li qiegħed fil-klabb għal skop u għal għan wieħed. Tgħallimt ħafna bħala plejer kif ukoll bħala persuna taħt il-gwida ta’ dan il-kowċ u nemmen li għad għandi x’nitgħallem minnu!

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt fl-Amateur League?

Differenza hemm iva, ngħidu l-veritá mhux kulħadd jista’ jattira ċerti plejers u kowċis minħabba bosta raġunijiet peró wieħed ma jistax jaqbad u jaqta’ ċerti timijiet għax kulħadd jagħtik logħba kif rajna f’dan l-istaġun. Hemm qabża ta’ kwalitá u serjetá ta’ ċerti klabbs iva peró kollox jiddependi fuq 90 minuta fil-pitch.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Jideppendi, jiena naħseb li l-barranin jiġu evalwati ħafna fuq statura u fiżika iktar milli teknika u intelliġenza tal-logħba. Ovvjament mhux kollha taħt keffa waħda l-barranin għax hawn min hu tajjeb peró jiena nemmen li l-Maltin huma kapaċi f’kull aspett tal-logħba daqs jekk mhux iktar mill-barranin. Nixtieq li ‘l qudddiem naraw iktar plejers Maltin jilagħbu fl-livell għoli Malta u jkunu jistgħu juru x’jafu wkoll barra minn xtutna ħalli l-Malti juri li tabilħaqq anke hu jista’ jilgħab professjonalment.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-Amateur League?

Ħafna mill-plejers sħabi jgħidulek li l-grawnds li nilagħbu fuqhom, mhumiex ta’ livell. Hemm ħafna fatturi x’wieħed jista’ jsemmi bħad-dwal tal-pitches, dressing rooms u l-agħar l-istat tal-pitch għall- ħin tal-logħba. Illum il-ġurnata hemm studji għal kollox … wieħed irid jara l-injuries li qed isofru l-plejers li jilagħbu ġimgħa wara ġimgħa f’dal pitches … jekk irridu ntejbu l-futbol Malti rridu nieħdu ħsieb il-plejers ukoll.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis fl-Amateur League?

Li tkun referi mhu faċli xejn! Kellna opportunitá biex ftit qabel ma għalaq l-istaġun kellna laqgħa mad-dipartment ta’ referis fi ħdan l-MFA, li fetħitli moħħi kemmxejn fit-tajjeb. Hekk rajna u fehemna minn xiex jgħaddi u jkun qed jaħseb ir-referi waqt il-logħba. Jistgħu ikunu aħjar ir-referis? Iva, bla dubju, peró nemmen li l-plejers iridu jkunu jafu iktar ir-regoli tal-logħba biex naċċertaw li kulħadd ikun jaf x’inhu jagħmel u l-logħba sabiħa tal-futbol tibqa’ partiġjana u ‘free flowing’ kemm jista’ jkun.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?

Hija battalja ta’ kuljum li tlaħħaq max-xogħol u l-futbol. Biex plejer iħossu kunfidenti jrid ikun trenjat sewwa, jiekol tajjeb u ċans ta’ mistrieħ ukoll irid ikollok xi naqra. Fil-livell tagħna huwa diffiċli biex tlaħħaq ma’ kollox peró importanti li żżomm bilanċ. Li tlaħħaq tagħmel dak lli tħobb dejjem sabiħ iżda l-futbol bħax-xogħol trid tagħtih 100% biex jagħtik xi ħaġa lura. Huwa diffiċli imma mhux impossibli!

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jiena għadni nemmen li għadni bħal dak it-tifel żgħir li kont … nara lil Del Piero jiskorja u ngħid ħa nasal nagħmel xi ħaġa hekk. Għadni determinat li nasal fejn dejjem xtaqt fil-futbol peró bil-limiti tiegħi wkoll. Illum il-ġurnata, il-ħajja saret mgħaġġla wisq u ninsew x’jagħmilna sħaħ. Kelli staġun diffiċli 2023/24 minħabba ħafna raġunijiet, imma ftaħt għajnejja għal fejn u x’kapaċi nagħmel ukoll. Ninsab eċċitat u ppreparat għal dak li għandi ġej quddiemi tul il-karriera tiegħi fil-futbol!

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed sempliċi … ikunu xi jkunu iċ-ċirkostanzi, xejn mhu aħjar milli taħdem ħafna fuqek innifsek u tagħraf x’inhuma l-valuri tiegħek, determinazzjoni u kunfidenza fik innifsek li kapaċi tasal, u l-iktar ħaġa importanti minn dan kollu li tagħmel li tagħmel fil-futbol tagħmlu b’ passjoni u rispett għall-isport li tant inħobbu!

Ekonomija

Sport