Thursday, June 13, 2024

Il-motivazzjoni qawwija kienet is-sigriet ta’ dan is-suċċess tat-team – Peter Agius (Team Manager Marsaxlokk)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Peter Agius hu isem sinonimu ħafna mal-futbol Malti. Hu jokkupa r-rwol ta’ team manager ma’ Marsaxlokk FC. Dan ir-rwol ilu jagħmlu għal 16-il sena sħaħ, 14-il sena minnhom ma’ Floriana FC. Kien parti mir-rebħ tal-kampjonat ta’ Floriana FC fl-istaġun 2019/2020 filwaqt li ma dan l-istess klabb serva wkoll bħala viċi-president waqt dak l-istess perjodu. Hu rrappreżenta lill-klabb ukoll f’diversi okkażjonijiet waqt il-kompetizzjonijiet Ewropej li ħadu sehem fihom il-Greens.

Fis-sajf tas-sena 2022 hu ngħaqad ma’ Marsaxlokk fejn hemmhekk ħa r-rwol ta’ team manager, xogħol li issa drah b’għajnejh magħluqa. Ix-Xlukkajri kienu għadhom telgħin mill-BOV Challenge League għall-ogħla kampjonat Malti u proprju fl-ewwel staġun tagħhom waslu sal-finali tal-Izibet FA Trophy. Matul l-istaġun li għadu kemm għadda, Marsaxlokk kisbu r-raba’ post li kien ifisser parteċipazzjoni fil-UEFA Europa Conference League fi ftit tal-ġimgħat oħra.

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Peter Agius fejn ħadlu xi kummenti dwar l-aħħar staġun tiegħu ta’ suċċess ma’ dan il-klabb.

L-ewwelnett x’kien is-sigriet li rnexxielkom tiksbu r-raba’ post meta fil-bidu ta’ dan l-istaġun l-objettiv ewlieni kien dak li ssalvaw?

Kif għedt int l-objettiv oriġinali tal-klabb kien dak li nsalvaw postna iktar u iktar matul l-istaġun li għadu kemm għadda u li fih riedu jaqgħu erba’ timijiet. Għalhekk għamilna ċert li niksbu riżultati pożittivi u ħriġna bi grinta liema bħalha.

Meta ndunajna li t-tim għandu s-saħħa li jimxi iktar ‘il quddiem, bdejna nimmiraw għall-postijiet l-iktar għolin fil-klassifika u b’sodisfazzjon ngħid li għamilna ħafna żmien fir-raba’ post. Għalhekk ġiena ċ-ċans u ħadnih. Nemmen iżda li kieku konna iktar konsistenti f’xi logħbiet u ma tlifniex il-punti kontra timijiet inqas ikkwotati minna, naħseb li konna anke nippruvaw għat-tielet post. Minkejja kollox, Sliema Wanderers dejjem kienu konsistenti fir-riżultati tagħhom u kien diffiċli li nilħquhom speċjalment lejn l-aħħar. Għallinqas kellna s-sodisfazzjon li ksibna post fil-kompetizzjoni Ewropea. 

Intom kellkom ukoll ix-xorti li rbaħtu numru ta’ timijiet iżda fuq kollox lit-tlieta ta’ quddiem. X’wassal biex issoprendejtu daqshekk f’dan ir-rigward?
Naħseb li ħriġna b’motivazzjoni żejda kontra timijiet ferm iktar ikkwotati minna u dan kien is-sigriet ta’ dan is-suċċess. Irnexxielna nirbħu lil Hamrun Spartans, Floriana, Sliema Wanderers, Hibernians u Birkirkara u dan juri li kellna potenzjal sew f’dan it-tim. Ksibna t-tliet punti fil-grawnd u dan kien ta’ sodisfazzjon kbir għal kull min kien involut f’dan il-klabb.

Int ilek għal numru ta’ snin involut fil-futbol Malti. Kemm rajtu żdied il-livell tal-futbol Malti?

Nista’ ngħidlek li l-livell tal-futbol f’Malta żdied ferm. Jien għamilt 14-il sena ma’ Floriana u dan hu t-tieni staġun ma’ Marsaxlokk. Jien mort meta kienu għadhom kemm ġew promossi miċ-Challenge League. F’sentejn irnexxielna naslu fil-finali tal-FA Trophy filwaqt li ftit tal-jiem ilu ksibna post fil-UEFA Europa League. Dan kien xogħol li sar b’mod ta’ reqqa u bl-akbar dettall.

Biex nirrispondi għall-mistoqsija tiegħek, il-fatt li kull tim jista’ jilgħab bi tmien barranin fil-grawnd tat imbuttatura tajba sabiex ikollna livell tajjeb ta’ logħob.

Semmejt it-tmien barranin fil-grawnd. Iżda taħseb li l-plejers barranin ħadu post dawk Maltin?

Ħa ngħidlek jien ngħid li jekk plejer Malti jkun ta’ livell se jilgħab żgur u jiġi ppreferut minn dak barrani. Jien ngħid ukoll li ċerti plejers Maltin mingħajr ma riedu żiedu l-livell sabiex jikkompetu ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra u għalhekk qed jagħmlu l-almu tagħhom. 

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referees fil-logħob tal-ogħla kampjonat Malti?

Naħseb li inġenerali kellna livell tajjeb ta’ refereeing. Il-livell kien aċċettabbli u l-uffiċjali kienu kollha ppreparati. Kultant isiru xi żbalji li jaf jiswewlek xi punti iżda jien dejjem ngħid li dawn in-nies huma wkoll umani wara kollox.

X’inhu l-futur ta’ Peter Agius?

Jien se nkun qed nokkupa r-rwol ta’ team manager għal staġun ieħor ma’ Marsaxlokk tant li diġa’ bdejna l-ħidma tagħna għas-sena d-dieħla. Jien flimkien mal-president Frank Cachia u l-kowċ Winston Muscat qed naħsbu sabiex intejbu fuq dak li diġa’ għandna bi rtokki oħra sabiex l-iskwadra tkun aktar b’saħħitha speċjalment issa li se nilagħbu fl-Ewropa.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk kollha involuti fil-klabb ta’ Marsaxlokk.

Nixtieq nirringrazzja lill-president Frank Cachia li jaħdem ħafna għal dan il-klabb, lill-kowċ Winston Muscat li dejjem ikun ippreparat waqt is-sessjonijiet ta’ taħriġ tiegħu. Ma rridx ninsa wkoll lin-numru ta’ nies li jaħdmu minn wara l-kwinti u mingħajr daqq ta’ trombi iżda li mingħajr ix-xogħol tagħhom żgur li jkollna xi ħaġa nieqsa. 

Grazzi wkoll tmur għall-partitarji ta’ Marsaxlokk li dejjem ikunu wara t-tim. Xorta nemmen li jistgħu jkunu iktar iżda kuntenti bl-appoġġ li ngħatajna. Nappellalhom li issa li se nkunu fil-kompetizzjonijiet Ewropej, jiġu jaraw lit-tim u jtuh is-sapport kollu meħtieġ! 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport