Saturday, May 4, 2024

“Għadu jurini kemm hu b’saħħtu kuljum” – mart Schumacher

Aqra wkoll

Corinna; mart Michael Schumacher, f’intervista riċenti fetħet qalbha dwar il-kundizzjoni ta’ żewġha. Hija qalet li s-sewwieq leġġendarju tal-F1 nbidel mill-inċident li kellu tmien snin ilu.

Hija kienet qiegħda titkellem waqt dokumentarju li se jkun qiegħed jinħareġ fuq Netflix fil-jiem li ġejjin u qalet li l-ikona tal-Formula 1 kellu d-dubji tiegħu dwar l-esperjenza tal-iskiing u tkellmu dwar il-possibilità li jsiefru minn Franza lejn Dubaj għall-bqija tal-btala.

Is-sewwieq Ġermaniż sofra ġrieħi serji f’moħħu waqt li kien qiegħed fi Franza f’Diċembru 2013 u dam madwar sitt xhur f’koma akuta.

Ftit jiem qabel id-dokumentarju tant mistenni b’rabta mal-ħajja tas-sewwieq, martu żvelat li tħoss ħafna n-nuqqas ta’ żewġha li minkejja li nbidel ħafna, kuljum għadu juri kemm hu b’saħħtu minkejja din is-sitwazzjoni li sabu rwieħhom fiha.

Corinna ta’ 52 sena kompliet tgħid li dakinhar tal-inċident żewġha kien verament sfortunat u li sa dak il-mument kienet temmen li hu kien invinċibbli anke għall-fatt li dejjem ħareġ mill-korsa tat-tlielaq mingħajr ebda ġrieħi. Hija għamlitha ċara li qatt ma ħaditha kontra Alla għal dak il-mument ta’ sfortuna u ammettiet li kien mument li seta’ jiġri lil kulħadd.

Intant hija qalet li importanti ħafna li tibqa’ żżomm il-familja tagħhom maqgħuda u filwaqt li jkomplu jgħinu lil Schumacher iħossu komdu jirċievi t-terapija, jibqa’ jżomm il-privatezza li tant hija importanti għalih moralment.

Sport