Sunday, December 22, 2024

GĦAFSA TA’ ID LI KOMPLIET TIKKONFERMA KAOS FIL-PN

Aqra wkoll

M’aħna se nkunu qegħdin niżvelaw l-ebda sigriet tal-ħajja b’din id-dikjarazzjoni hekk kif sfortunatament fil-ħajja l-iktar mumenti li fihom jaf insibu ruħna mdawrin b’nies li jimpurtahom huma proprju dawk il-mumenti fejn ħajjitna tkun sejra tajjeb. Min-naħa l-oħra f’mumenti oħrajn fejn forsi ma nkunux qegħdin niġbdu l-interess bl-għemil tagħna jew meta l-folla tibda twarrabna, ftit ftit nibdew insibu ruħna mwarrbin f’rokna mdallma. Mhux bilfors imwarrbin minn kulħadd u jista’ jagħti l-każ li dawk li verament jemmnu fik, jibqgħu miegħek anke jekk f’rokna mdallma fejn il-bqija tal-folla telimina għal kollox il-possibbiltà li terġa’ toħroġ f’forma ta’ stilla tiddi.

Ninnutaw id-distinzjoni f’dan ir-rigward bejn iż-żewġ partiti l-kbar ta’ pajjiżna fejn fl-aħħar jiem kellhom sentenza tal-Qorti x’jixtarru. Dik li l-Partit Nazzjonalista qiegħed isejjaħ bħala rebħa għal Malta wasslet biss biex kompliet tispikka l-firda li hemm bejn il-membri tal-partit. Ħafna mill-partitarji tal-partit huma konxji li din mhix rebħa tal-Partit Nazzjonalista iżda ta’ Adrian Delia, l-eks kap li minħabba li baqa’ jemmen fil-kawża, tħalla waħdu jiġġilidha. Ironikament f’attività politika, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista li daħal biex jimla post Adrian Delia, li twarrab mill-istess membri tal-partit instema’ jirrepeti kontinwament “Hekk! partit wieħed, kollha flimkien”.

Ovjament iż-żmien inessi imma diffiċli taħfer lil min ikun għamillek il-ħsara speċjalment lil dawk ta’ ġewwa. F’tentattiv li jżomm mal-għaqda li bħal donna fjorixxiet f’daqqa waħda mal-mument li l-Qorti li ddeċidiet favur Delia, l-istess Delia ma naqasx milli jagħmel il-punt tiegħu u jikkontradixxi lil Grech b’sentenza tal-għeluq fejn qal li la hu kien kapaċi jerbaħ meta tħalla waħdu għal ħames snin sħaħ, aħseb u ara x’kapaċi jagħmel il-partit jekk verament jingħaqad.

Tispikka l-arroganza ta’ Grech li fid-diskors tiegħu mhux biss infexx f’attakk fuq il-Prim Ministru Robert Abela, iżda saħansitra stenna li persuni bħal Delia li sofrew minn nuqqasijiet personali fil-konfront tagħhom, jinsew li saħansitra kien hemm żmien fejn twarrbu mill-istess membri tal-partit biex l-istess partit ikun jista’ verament jimxi ’l quddiem. 

Delia mhuwiex l-uniku wieħed li għadda minn dan kollu. Ikkonferma dan l-istess Delia li fid-diskors tiegħu fakkar il-memorja ta’ Robert Arrigo li skontu kien miegħu f’din il-ġlieda, l-istess Arrigo li kien qal li l-partit kien weġġgħu iżjed mill-kanċer. Iżda l-kobba hija mħabbla iżjed mill-għafsa tal-id sfurzata bejn mexxej u eks mexxej ta’ partit li min jaf x’kienu qegħdin jaħsbu f’dak il-mument. M’aħniex aħna li qegħdin naraw din l-imġiba bħala kaos, iżda l-andament tas-sitwazzjoni b’eks deputat jistieden lil sħabu tal-partit biex imeruh meta ddikjara pubblikament li Delia kien tħalla waħdu meta xtaq li tkun kawża li jidħol għaliha l-grupp parlamentari għax beżgħu li Stewards tfittixhom u toħdilhom id-Dar Ċentrali. 

Minkejja attakk personali fuq il-Prim Ministru, Abela ma ħalliex barra dan is-suġġett fl-attività politika tiegħu. Mhux talli hekk, talli saħaq li fuq talba tan-naħa tal-gvern illum l-parlament se jiddibatti dwar dan l-istess suġġett. Għall-kuntrarju wkoll tal-Partit Nazzjonalista, il-gvern aċċetta s-sentenza tal-Qorti u qal li se jkun qiegħed iħalli l-istituzzjonijiet jaħdem u anke jgħinhom biex is-sentenza definittiva tingħata kemm jista’ jkun malajr. 

Nemmnu li l-poplu kapaċi jiddistingwi. Kapaċi jagħraf bejn il-ħidma ta’ partit magħqud b’mexxej li għandu l-fiduċja tat-tim tiegħu u partit li minkejja li jipprova juri wiċċ ieħor, għadu maħkum minn weġgħat tal-passat, minn membri fit-tim li għadhom ma jistgħux jaċċettaw kowċ li daħal biex jissostitwixxi ieħor li minħabba fih spiċċa fir-rokna. Fuq kollox kif qal wieħed mill-plejers miġugħin, ma jistax il-kowċ il-ġdid jirkeb fuq logħba li tintrebaħ taħt it-tmexxija tal-kowċ ta’ qablu. 

Ekonomija

Sport