Friday, July 26, 2024

Għajnejn l-Ewropa fuq l-Ungerija fis-summit dwar l-appoġġ għall-Ukrajna

Aqra wkoll

Is-summit ta’ jumejn tal-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex tkun diskussa l-għajnuna lill-Ukrajna jinsab f’punt kruċjali. Dan għaliex jekk l-Ukrajna se tikseb xi ħaġa minn dan is-summit tal-mexxejja tal-UE, se jkollha bżonn l-appoġġ tal-Prim Ministru tal-Ungerija, Viktor Orban.

Orban huwa magħruf għar-reżistenza qawwija tiegħu kontra l-applikazzjoni tal-Ukrajna biex tissieħeb fl-UE u t-talbiet li għamlet għall-għajnuna.

Għal Orban, il-gwerra, il-korruzzjoni, settur agrikolu kbir u t-trattament ħażin tal-minoranza Ungeriża fl-Ukrajna jiskwalifikaw lil Kyiv milli jissieħeb fl-UE fi żmien qasir.

L-istedina simbolika lill-Ukrajna biex tibda negozjati formali għas-sħubija hija fuq quddiem tal-aġenda tal-laqgħa ta’ jumejn fi Brussell, flimkien ma’ wegħda ta’ €54 biljun  f’fondi tal-UE biex l-ekonomija Ukrajna titmexxa sal-2024, u €24 biljun oħra f’appoġġ militari. 

L-oġġezzjonijiet tal-Ungerija huma ta’ nkwiet kbir għall-President Ukren Volodymyr Zelensky. Dan anki wara li ż-żjara tiegħu f’Washington ma wasslitx biex jikseb 61 biljun dollaru f’finanzjament militari Amerikan wara li dik l-għajnuna ġiet imblukkata minn leġiżlaturi Repubblikani.

L-Ungerija tista’ timblokka t-talbiet kollha tal-Ukrajna minkejja appoġġ wiesa’ għall-Ukrajna minn bliet kapitali oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru l-ġdid tal-Polonja, Donald Tusk, diġa wissa li l-apatija dwar l-Ukrajna hija inaċċettabbli.

Madankollu, hekk kif il-mexxejja tal-UE bdew jaslu Brussell tard nhar nhar l-Erbgħa, bdew għadd ta’ kompromess possibbli.

Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li kienet qed tiżblokka madwar €10.2 biljun  minn aktar minn €30 biljun ta’ fondi tal-UE għall-Ungerija li kienu ġew iffriżati minħabba r-problemi relatati mal-istat tad-dritt.

Għalkemm l-għoti tal-fondi huwa meqjus b’mod wiesa bħala tentattiv biex itaffi l-pożizzjoni tal-prim ministru Ungeriż, uffiċjali fi Brussell ċaħdu li ġew rikattati.

Il-biċċa l-kbira tal-mexxejja l-oħra tal-UE huma sodi wara l-Ukrajna. Anke s-Slovakkja, li waqqfet l-għajnuna militari lill-Ukrajna, se tappoġġa l-bidu tat-taħditiet dwar is-sħubija ta’ Kyiv fl-UE.

Sigħat wara li l-President Zelensky telaq minn Washington  wara li naqas milli jassigura aktar għajnuna mill-Istati Uniti, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet lill-Parlament Ewropew li l-UE trid tagħti lill-Ukrajna dak li għandha bżonn biex tkun b’saħħitha llum, sabiex tkun aktar b’saħħitha għada fuq il-mejda meta tiġi biex tinnegozja paċi fit-tul u ġusta għall-Ukrajna.

L-Ukrajna għandha bżonn iddisprat li jsir progress fis-summit tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li sitta mis-seba’ kundizzjonijiet għall-bidu ta’ taħditiet għas-sħubija formali issa ntlaħqu. Dan iżda huwa kkontestat mill-Ungrija li akkużat lil Brussell li baxxiet il-livell biex tgħin lil Ukrajna. 

Madankollu, l-President Zelensky deher f’taħditiet intensi wiċċ imb’wiċċ ma’ Viktor Orban fl-Arġentina nhar il-Ħadd li għadda. Biex itaffi xi ftit l-oġġezzjonijiet ta’ Budapest, il-parlament Ukren għadda leġiżlazzjoni l-ġimgħa li għaddiet li tiggarantixxi li l-Ungeriżi u minoranzi oħra d-dritt li jistudjaw bil-lingwa tagħhom stess.

Ħadd fi Brussell ma hu jissuġġerixxi li l-Ukrajna hija lesta li tingħaqad fl-UE immedjatament. Il-bidu tan-negozjati tas-sħubija huwa att simboliku ta’ solidarjetà mis-27 pajjiż tal-UE.

Min-naħa tiegħu, il-gvern ta’ Orban diġà approva bil-kwiet 11-il pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja, għalkemm dan rari jiġi rrappurtat mill-midja favur il-gvern tal-Ungerija.

Viktor Orban huwa sod fil-ħsieb tiegħu li l-Ungerija ma tistax tiġi rikattata u li kwistjonijiet finanzjarji ma jistgħux jiġu mħawda bi kwistjonijiet ta’ prinċipju. Dan fl-istess waqt li jinsisti li għamel dak kollu li talbitlu jagħmel il-Kummissjoni.

Victor Orban irid jirbaħ aktar influwenza fl-Ewropa u l-attenzjoni tiegħu qed tinbidel għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġnju 2024, meta jittama li l-partiti nazzjonalisti sħabhom jirbħu.

Ekonomija

Sport