Monday, May 13, 2024

GĦALIEX GĦANDEK TIVVOTA FL-ELEZZJONIJIET TAL-PE?

Aqra wkoll

Hekk kif ninsabu ftit xhur biss bogħod mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, diġà hemm numru ta’ kandidati li resqu ‘l quddiem u ħabbru li se jkunu qed jikkontestaw dawn l-elezzjonijiet. Elezzjonijiet li mistennija jsiru f’Ġunju li ġej u flimkien magħhom f’pajjiżna se jsiru wkoll dawk tal-Kunsilli Lokali.

Imma fil-verità xi jfisser dan kollu għalina li ngħixu f’pajjiż demokratiku? Jista’ jkun li ma napprezzawx biżżejjed dan id-dritt u nifhmu li wara kollox jirrikjedi d-dmir tagħna li nikkontribwixxu fl-għażla ta’ min jirrappreżentana?

Għalkemm fid-diskussjoni u d-djalogu tal-ħajja ta’ kuljum u f’kummenti minn ċertu persuni fuq il-midja jistgħu jindikaw perċezzjoni ta’ nuqqas ta’ interess f’dawn l-istess elezzjonijiet, nilqgħu ċ-ċifri ppubblikati mill-Ewrobarometru li juru li Malta huwa t-tieni l-aktar pajjiż fl-Ewropa li jinteressah f’dawn l-elezzjonijiet.

Minkejja li ċ-ċifri juru li 70% tal-Maltin beħsiebhom jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew nemmnu li kollox iħoll u jorbot mill-istess poplu u kemm verament iħoss li għandu jkun hu li jagħmel l-aħjar għażla minn fost il-kandidati.

Huwa tajjeb li jiġi mixtarr il-kliem tal-MEPs Maltin li ma’ dan il-ġurnal saħqu dwar l-importanza li d-delegazzjoni ġdida Maltija tkun solidali fl-aħjar interess ta’ Malta u l-poplu kollu.

Dawn l-elezzjonijiet fl-aħħar mill-aħħar għandhom iwarrbu l-kuluri politiċi u sfortunatament xi drabi anke l-firda politika għax ladarba l-membri l-Membri Parlamentari Ewropej eletti jmorru fil-plenarja biex jiddiskutu, għandhom l-ewwel u qabel kollox iridu jaraw li l-liġijiet li jkunu qed jiġu trattati mhux biss ikunu dawk li minnhom pajjiżna jista’ jibbenefika iżda jaraw kif b’mod solidali jimbuttaw lura dawk li jkunu qed jissuġġerixxu l-oppost.

Minn dak li rajna f’din il-leġiżlatura tal-PE li waslet biex tintemm, minkejja ċ-ċokon tagħna, l-MEPs Maltin irnexxielhom jiddistingwu ruħhom minn MEPs oħra f’pajjiżi ferm akbar minn tagħna.

Fi żjara fi Strasburgu dan il-ġurnal jista’ jikkonferma li saħansitra MEPs barranin qegħdin jistennew x’se tkun l-għażla tal-poplu Malti biex jeleġġi r-rappreżentanti tiegħu għad-delegazzjoni l-ġdida.

Dan jikkonferma s-suċċess tar-rappreżentanti Maltin f’din id-delegazzjoni u dan kollu li qed nitkellmu fuqu. Fl-aħħar mill-aħħar, ftit tax-xhur oħra, Malta se jkollha uffiċjalment delegazzjoni ġdida ffurmata minn Membri Parlamentari Ewropej li jistgħu jinkludu taħlita ta’ persuni li diġà għamlu isem għal Malta fil-PE u uċuh li jistgħu jkunu ġodda imma li m’għandhomx jiġu sottovalutati għal dak li jistgħu joffru.

Għalhekk din l-għażla tiddependi minn dawk li dakinhar tal-votazzjoni se jiddeċiedu li jikkontribwixxu biex ikomplu jħaddnu l-valur ta’ responsabbiltà li jġib miegħu dan id-dritt ta’ pajjiż demokratiku.

Sport