Wednesday, December 25, 2024

GĦAJNUNA AKBAR FIL-QASAM TAL-IVF

Aqra wkoll

Minn kemm ilu li ġie regolat is-settur tal-Prokreazzjoni Assistita, dak magħruf bħala IVF, mill-2013 sal-lum ġew imwielda aktar minn 600 tarbija filwaqt li fil-preżent hemm ommijiet oħra li qed jistennew li jwelldu 99 tarbija. 

Dan m’aħniex ngħiduh aħna, iżda qalu l-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela waqt li kien qed jitkellem fl-estimi finanzjarji tal-budget tal-Ministeru tas-Saħħa għas-sena d-dieħla.

Nistqarru bla dubju ta’ xejn, li r-regolamentazzjoni mill-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun, dawn it-twelidijiet kienu jfissru ħafna għal tant u tant koppji li forsi ma kellhomx tama li xi darba huma wkoll jistgħu jsiru ġenituri b’mod naturali.

Kien propju Gvern Laburista li sa mis-sena 2015 beda joffri servizz b’xejn mill-Isptar Mater Dei, bis-servizzi li matul is-snin komplew javvanzaw u jiżdiedu, bl-emendi fil-liġi li daħlu fis-seħħ fl-2018 u fl-2022.

Ma ninsewx lanqas il-fatt li f’Mejju ta’ din is-sena l-Gvern ħabbar investiment ta’ €6 miljun għall-proċeduri tal-IVF. Investiment li jfisser li matul dawn ix-xhur, qed jiġu offruti servizzi lil madwar 650 ġenitur prospettiv bl-ispiża tal-IVF kollha titħallas mill-Gvern.

B’dawn il-miżuri kollha flimkien ma’ oħrajn li diġà ġew introdotti, fosthom li ġenituri li jaħdmu għal rashom u għaddejjin minn trattament tal-IVF se jkunu qed jgawdu sa 100 siegħa ta’ leave mħallas mill-Gvern waqt ċiklu ta’ trattament, nemmnu li l-koppji li jagħżlu l-proċess tal-IVF issa għandhom aktar serħan il-moħħ kemm mill-aspett mediku kif ukoll mil-lat finanzjarju.

Insemmu wkoll li sa ftit snin ilu, it-twelid ta’ trabi permezz tal-prokreazzjoni assistita kien tabù u kienet kważi dagħwa li ssemmiha. Kien ukoll proċess li biex isir dak li jkun kien ikollu jmur barra minn xtutna bi spejjeż finanzjarji kbar.

Illum, il-poplu huwa ferm aktar matur u lest jifhem u jaċċetta r-riformi kbar li twettqu f’dawn l-aħħar snin fil-qasam mediku, li ħadd ma jista’ jiċħad li kienu ta’ benefiċċju għas-soċjetà inġenerali. It-trattament bl-IVF f’Malta kien wieħed minn dawn. Is-suċċessi miksuba f’dan il-qasam mhux biss huma ċertikati li pajjiżna qed ilaħħaq mal-avvanzi teknoloġiċi imma wkoll huma turija profonda li l-Gvern huwa kommess li jkompli jgħin tant koppji biex huma wkoll ikollhom ix-xorti li xi darba jsiru ġenituri.

Ekonomija

Sport