Wednesday, November 13, 2024

Għajnuna diretta mill-gvern lis-santwarji tal-annimali

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said ħabbru skema ġdida bil-għan li tgħin lis-santwarji tal-annimali madwar Malta u Għawdex.

Din l-iskema se tkun qed toffri għajnuna finanzjarja diretta lis-santwarji tal-annimali, b’ammont li jlaħħaq €10,000 kull santwarju. Permezz ta’ din l-iskema, is-santwarji jistgħu jwettqu xogħlijiet ta’ manutenzjoni sabiex ikollhom struttura adegwata li kapaċi ssostni l-annimali li jgħixu fiha.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal, “Dak li qed inħabbru llum, bil-fatti jkompli jixhed kemm dan il-gvern jemmen fid-drittijiet u l-ħarsien tal-annimali tagħna, partikolarment dawk abbandunati. Aħna dejjem emminna li s-santwarji għandhom rwol vitali fil-ħarsien tal-annimali, u permezz ta’ din il-miżura, qed niżguraw li dawn l-organizzazzjonijiet ikollhom ir-riżorsi meħtieġa biex itejbu l-faċilitajiet tagħhom.”

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said qalet kemm din l-għajnuna se tgħin id-diversi voluntiera li jagħtu ħinhom u saħħithom sabiex jgħinu lill-annimali fil-bżonn. “Ħafna drabi dawn il-voluntiera fis-santwarji li nsibu f’pajjiżna, jispiċċaw joħorġu l-flus minn buthom sabiex jgħinu lill-annimali li jospitaw. Għalkemm il-karità tan-nies dejjem hija bżonnjuża, l-ispejjeż li jiffaċċjaw dawn il-voluntiera huma enormi. Din l-iskema se tgħin sabiex ittaffi ftit mill-piżijiet li jġorru dawn in-nies u tippermettilhom jkomplu joffru s-servizzi tagħhom favur l-annimali,” temmet tgħid Bugeja Said.

Tkellem ukoll id-Direttur tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali Joseph John Vella fejn stqarr kemm xogħol jitwettaq mill-ħaddiema fi ħdan id-direttorat sabiex jiżguraw li s-santwarji jkollhom l-appoġġ kollu meħtieġ. Huwa qal li mingħajr is-santwarji, id-direttorat ma jkunx jista’ jwettaq l-istess operat ta’ salvataġġ minħabba l-limitu ta’ spazju fejn l-annimali jistgħu jiġu ospitati.

L-applikazzjonijiet huma miftuħa sal-25 t’Ottubru 2024 u aċċessibbli minn din il-ħolqa: Maintenance to Animal Sanctuaries Scheme 2024 (gov.mt)

Ekonomija

Sport