Il-kunflitt bejn il-Federazzjoni Russa u l-Ukrajna, li ilu għaddej mill-24 ta’ Frar 2022, impatta s-sigurtà tal-ikel b’mod negattiv globalment.
Dan għaliex ir-reġjuni tal-Ukrajna u r-Russja huma fost l-aktar żoni importanti fid-dinja għall-provvista ta’ qmuħ u ta’ prodotti agrikoli.
L-Ukrajna u r-Russja huma atturi prinċipali fis-suq dinji taċ-ċereali u żrieragħ taż-żejt. L-Ukrajna tirrappreżenta 11% tas-suq dinji tal-qamħ, filwaqt li r-Russja tirrappreżenta 20%.
Dan il-kunflitt, flimkien mas-sentejn ta’ pandemija globali, ħolqu instabbiltà, żieda fil-prezzijiet, u tfixkil fil-katina ta’ provvista f’ħafna pajjiżi, fosthom Malta.
Barra minn hekk, Malta għandha limitazzjoni ta’ ħażna kif ukoll konsum limitat, u għaldaqstant l-operaturi Maltin jimportaw kwantitajiet żgħar ħafna.
Dan wassal mhux biss għal żieda fil-prezzijiet iżda wkoll poġġa s-sigurtà tal-provvista fis-swieq lokali f’riskju.
Filwaqt li l-inflazzjoni seħħet mad-dinja kollha, il-Gżejjer Maltin ħassew dan l-impatt b’mod drastiku minħabba l-isfidi doppji relatati mad-daqs u l-insularità tagħhom.
Fid-dawl ta’ dan, il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, flimkien mal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol qed iniedi Skema ta’ Sussidju Temporanja għall-Istabbilizzazzjoni tal-Prezzijiet (Miżura ta’ Emerġenza) sabiex jiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel lokali u jimmitiga ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel li laqtet is-swieq dinjija tal-materja prima.
Din l-iskema se tapplika għall-importazzjoni taċ-ċereali u d-dqiq għall-konsum uman u għall-għalf tal-annimali għas-settur tat-trobbija tal-bhejjem intiżi għas-suq lokali.
Il-formoli ta’ applikazzjoni u l-linji gwida jistgħu jinkisbu mid-Dipartiment tal-Affarijiet Rurali billi tintalab kopja elettronika bil-posta elettronika lil [email protected].
Il-formoli ta’ applikazzjoni mimlija u ffirmati kif xieraq u d-dokumentazzjoni ta’ sostenn għandhom jaslu f’format elettroniku sa mhux aktar tard minn nofsinhar tal-Ġimgħa, 20 ta’ Mejju 2022.