Saturday, December 21, 2024

Għajnuna ħolistika għall-vittmi tal-vjolenza domestika – ftehim bejn Legal Aid Malta, l-FSWS u l-Pulizija ta’ Malta

Aqra wkoll

Ftehim bejn Legal Aid Malta, il-Fondazzjoni għall-Ħarsien tas-Servizzi Soċjali (FSWS) u l- Victim Support Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, se tkun qed tara li vittmi ta’ vjolenza domestika jiġu pprovduti b’għajnuna ħolistika. Dan il-proċess se jkun qed jibda mill-mument li l-vittma tirrapporta r-reat u jibqa’ għaddej sa meta l-persuna tkun lesta biex terġa’ toħroġ fis- soċjetà u tkompli bil-ħajja tagħha ta’ kuljum. 

Il-proċess kollu se jibda għand il-Pulizija ta’ Malta, fejn se jkunu responsabbli li joffru l-ewwel sapport lill-vittmi, eżattament meta r-reat ikun ġie rrappurtat lilhom. Dawn filwaqt li jagħtu l- għajnuna neċessarja, se jkunu qed jirreferu lill-vittmi lil Legal Aid Malta. 

Min-naħa tagħha din se tkun qed tipprovdi għajnuna legali u tagħrif lill-vittmi ta’ vjolenza domestika. Legal Aid se tkun qed tkopri wkoll l-ispejjeż relatati ma’ din l-għajnuna legali, inkluż ħlas lill-avukati speċjalizzati fis-settur. 

L-FSWS se tkun l-aħħar pass għal dawn il-vittmi, fejn wara l-proċess ta’ pulizija u ta’ għajnuna legali, din se tkun qed toffri s-sapport u l-għajnuna tagħha lill-vittmi, bil-għan li dawn il-persuni jkunu kapaċi jerġgħu jintegraw lilhom infushom u maż-żmien anke jkomplu bil-ħajja normali tagħhom fis-soċjetà. 

Dan il-MoU ġie ffirmat mis-Sur Bruno Zahra minn Legal Aid Malta, mill-Kap Eżekuttiv tal- FSWS is-Sur Alfred Grixti u mill-Kummissarju tal-Pulizija s-Sur Angelo Gafa. 

L-iffirmar ġie ppresedut mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, mis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar u mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat. 

Il-Ministru Edward Zammit Lewis fakkar li din hija parti minn kullana ta’ inizjattivi li qed jieħu l-ministeru mmexxi minnu. Saħaq li din se tkun qed twassal għal għajnuna b’mod ħolistiku li tibda minn dak il-mument li l-vittma jkollha l-kuraġġ li tirrapporta sal-punt fejn il- persuna tkun lesta li terġa’ tirritorna fis-soċjetà b’mod sħiħ. 

l-Ministru Michael Falzon qal li l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali jagħti sapport kontinwu lill-vittmi ta’ vjolenza domestika, permezz ta’ units speċjalizzati fi ħdan Aġenzija Appoġġ. Fil-fatt din l-aġenzija tipprovdi mhux biss xelter għal dawk fil-bżonn ta’ għajnuna iżda anke jagħtu monitoraġġ fit-tul għal dawn il-vittmi u anke l- qraba tagħhom. Il-Ministru Michael Falzon qal li għandu jinżamm ir-ritmu ta’ din il-ħidma ħolisitika sabiex verament il-vittmi jsibu għajnuna xierqa u dinjituża. 

Il-Ministru Byron Camilleri spjega li l-Korp tal-Pulizija jinsab determinat li jtejjeb is-servizz għall-vittmi tal-vjolenza domestika, li huwa t-tielet reat l-aktar irrappurtat. “Il-ftehim tal-lum huwa pass ieħor biex il-vittmi jingħataw aktar sapport fil-mument l-aktar vulnerabbli ta’ ħajjithom. Min-naħa tagħna qed naħdmu kemm nistgħu biex min ifittex l-għajnuna tal-Korp tal-Pulizija jkun stmat kif jixraq. Għalhekk tejjibna t-taħriġ u għalhekk se nibdew nagħtu servizz speċjalizzat, ” qal il-Ministru Camilleri. 

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar tenniet li filwaqt li l-maġġoranza tal-każi l-vittmi huma nisa, importanti ma ninsewx ukoll koppji tal-istess sess u anke dawk anzjani. Minħabba ċerti stampi li timponi fuqna s-soċjetà dawn isibuha iktar diffiċli li jirrappurtaw. Is-segretarju parlamentari kkonkludiet li l-vjolenza domestika hija kwistjoni li taffettwa s-soċjetà kollha, għalhekk huwa dmir tagħna li naraw li l-liġijiet huma b’saħħithom biżżejjed. 

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li r-rieda politika ta’ dan il-gvern hija li nkomplu nitfgħu iktar dawl fuq ċerti realtajiet fi ħdan il-komunitajiet fejn tidħol il-vjolenza domestika u nindirizzawhom. Dan billi noffru aktar protezzjoni u kura lil dawn il-vittmi. “L-għan aħħari tagħna huwa li nkomplu nassiguraw aktar sigurtà fil-komunitajiet tagħna,” temm jgħid is-Sur Muscat. 

Ekonomija

Sport