Saturday, December 21, 2024

Għajnuna legali mill-GWU lil żewġ uffiċjali korrettivi

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU) offriet assistenza legali liż-żewġ uffiċjali korrettivi li se jkunu akkużati b’reati ta’ natura involontarja. 

Dan wara li din il-ġimgħa tħabbar li l-Pulizija kienet se tressaq lil dawn iż-żewġ uffiċjali korrettivi permezz ta’ ċitazzjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Fi stqarrija maħruġa mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Ligi kien intqal li dan qed isir b’rabta mal-inkjesta maġisterjali li nfetħet fil-każ ta’ attentat suwiċidju li seħħ fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin nhar is-16 ta’ Ġunju ta’ din is-sena.

Il-GWU qalet li hija offriet assistenza legali f’dawn il-proċeduri wara li ġew evalwati ċ-ċirkostanzi kollha relatati mal-konklużjoni tal-inkjesta.

It-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Ufficjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Ligi fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) qalet li tirrispetta l-istituzzjonijiet tal-pajjiż dejjem u dan minkejja li mhux neċessarjament taqbel ma’ kull deċiżjoni.

Hija qalet li ż-żewġ uffiċjali aċċettaw li jkunu rappreżentati mill-Avukat Herman Mula. Żiedet tgħid: “Diġà qed isiru l-preparamenti meħtiega biex l-uffiċjali inkwistjoni jkollhom l-aqwa difiża u nipprovaw l-innoċenza tagħhom.”

It-Taqsima temmet tgħid li filwaqt li tifhem is-sentiment ta’ rabja u dieqa fost l-uffiċjali korrettivi, tappella biex jibqgħu jaqdu d-doveri tagħhom b’integrità u dixxiplina kif dejjem għamlu.

Ekonomija

Sport