Sunday, November 24, 2024

Għajnuna lill-ommijiet li għaddejin minn sitwazzjonijiet diffiċli waqt it-tqala

Servizz offrut lill-ġenituri minn entitajiet differenti

Aqra wkoll

Minn għada t-Tnejn, 29 ta’ Novembru, fil-parroċċa ta’ Ħal Tarxien se tibda tingħata għajnuna professjonali u emozzjonali lill-ommijiet li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli waqt it-tqala, kif ukoll lill-missirijiet. Il-ġenituri se jingħataw l-għajnuna meħtieġa permezz ta’ appoġġ emozzjonali, kura pastorali u counselling, kif ukoll provvista ta’ oġġetti relatati ma’ qabel u wara t-twelid tat-tarbija.

Dan is-servizz se jingħata mill-parroċċa ta’ Ħal Tarxien flimkien ma’ parroċċi oħra, u b’kollaborazzjoni ma’ LifeNetwork Foundation, St Jeanne Antide Foundation u Caritas Malta. Is-servizz bl-isem ta’ GIFT, li se jiġi offrut minn Dar Nazaret f’Ħal Tarxien, tnieda dalgħodu mill-Arċisqof Charles Jude Scicluna u mill-Arċipriet Dun Christopher Ellul, bħala parti mill-attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa Favur il-Ħajja. Preżenti wkoll Dr Miriam Sciberras minn LifeNetwork Foundation u Nora Macelli minn St Jeanne Antide Foundation.

Fil-messaġġ tiegħu l-Arċisqof Charles Jude Scicluna qal li dan is-servizz huwa sinjal ieħor kif il-Knisja timxi ma’ min għaddej minn sitwazzjonijiet diffiċli u tieqaf miegħu biex tgħinu. Qal li s-servizz GIFT huwa sinjal konkret li rridu ngħaddu lis-soċjetà sabiex nitbiegħdu minn kull tip ta’ ġudizzju u b’permezz ta’ djalogu seren u konkret nagħtu wens u għożża lil min jinsab f’diffikultà. Mons. Arċisqof irringrazzja lill-parroċċa ta’ Ħal Tarxien u lill-entitajiet ta’ din l-inizjattiva favur id-don tal-ħajja u fakkar li dan is-servizz qed jiġi inawgurat proprju fil-bidu tal-Avvent, li hu staġun ta’ stennija u li matulu nakkumpanjaw lil omm Ġesù fl-istennija li twassal għat-twelid tiegħu fl-għar ta’ Betlehem.

Dun Chris Ellul, l-Arċipriet tal-parroċċa ta’ Ħal Tarxien, qal li l-proġett GIFT twieled minn suġġeriment waqt il-paniġierku tal-festa ta’ din is-sena ta’ Marija Annunzjata, sabiex il-parroċċa ta’ Ħal Tarxien tkun santwarju tal-ħajja umana sa mill-ewwel mument tat-tnissil. Dun Chris wera x-xewqa li dan is-servizz jinfirex sabiex il-komunità Nisranija tirrispondi bi mħabba billi tipprovdi l-għajnuna emozzjonali u anke pastorali u spiritwali lill-familja li qed issib diffikultà waqt it-tqala jew meta titlef it-tarbija fil-ġuf.

F’isem LifeNetwork Malta, Dr Miriam Sciberras faħħret din l-inizjattiva favur il-ħajja li ħadet il-parroċċa ta’ Ħal Tarxien. Qalet li l-Knisja għandha tkun il-post fejn kull ħajja tiġi ċċelebrata, mingħajr ebda ġudizzju. Dr Sciberras saħqet li bħala soċjetà rridu naħdmu bi sħiħ sabiex il-parroċċi jiġu mgħammra b’diversi servizzi biex ikunu jistgħu jgħinu b’modi prattiċi lin-nisa u l-irġiel fid-deċiżjonijiet tagħhom marbuta mat-tqala.

Nora Macelli minn St Jeanne Antide Foundation qalet li wieħed mis-servizzi offrut minn GIFT hu l-għajnuna li se tingħata mill-ħaddiema soċjali. Qalet li l-esperjenza tgħallem li persuni li ma sabux lil min jgħinhom fil-waqt jispiċċaw jagħmlu għażliet li wara jiddispjaċihom li jkunu għamluhom. Nora Macelli qalet li l-għajnuna f’waqtha ssalva l-ħajjiet, tqawwi l-qalb, toffri tama u twitti t-triq biex il-persuna li qed issofri tħares ’il quddiem b’kuraġġ, b’dinjità u piż imwieżen.

Fil-futur qarib is-servizz GIFT se jkun estiż b’counselling pastorali u servizz spiritwali mid-dar parrokkjali. Se tinfetaħ ukoll kappella tal-adorazzjoni li tkun miftuħa 24 siegħa kuljum, kemm għal radd il-ħajr lil Alla għad-don tal-ħajja, kif ukoll għat-talb għal dawk li għaddejjin minn diffikultajiet waqt it-tqala jew wara t-twelid.

Kull min jixtieq ifittex l-għajnuna jew aktar dettalji jista’ jċempel fuq 20330023 jew 79429291 jew iżur il-paġna fuq Facebook GIFT

Sport