Friday, July 4, 2025

Għajnuna lis-sidien tal-annimali domestiċi f’każ ta’ emerġenza

- is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-annimali minn dejjem kienu prijorità għall-Gvern. Smajna l-ħsibijiet u s-suġġerimenti tal-poplu u għalhekk ħassejna l-ħtieġa li sakemm għaddejja l-ħidma biex jerġa’ jinfetaħ l-isptar, kull annimal li jkollu bżonn kura urġenti, se jsib veterinarju ta’ emerġenza disponibbli 24 siegħa kuljum, seba’ darbiet fil-ġimgħa. L-għan tagħna huwa li nassiguraw lis-sidien kollha tal-annimali domestiċi li se jsibu l-għajnuna f’każ ta’ emerġenza.

Iddikjarat dan is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said f’kummenti li tat lil L-Orizzont b’rabta mal-iskema li tnediet aktar kmieni din il-ġimgħa dwar servizz veterinarju ta’ emerġenza. 

L-għan ewlieni ta’ dan is-servizz huwa li jiżgura l-kura u l-benesseri tal-annimali matul il-ħinijiet meta s-servizzi veterinarji normalment ma jkunux disponibbli. B’hekk qed tiġi indirizzata l-ħtieġa urġenti għal kura veterinarja ta’ emerġenza aċċessibbli u ta’ kwalitħolja madwar Malta u Għawdex. 

Bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Drittijiet tal-Annimali, Bugeja Said enfasizzat li “nemmen li kull annimal jistħoqqlu kura u attenzjoni, speċjalment meta jkun f’kundizzjoni ta’ tbatija jew emerġenza. Din l-iskema hija frott tax-xogħol kontinwu tagħna biex inkomplu nsaħħu s-sistema ta’ għajnuna għall-annimali f’pajjiżna. 

“Se nibqgħu naħdmu bla heda biex nassiguraw li l-vuċi tal-annimali tinstema’ u li l-benesseri tagħhom jibqa’ prijorità fuq l-aġenda tagħna, temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Is-servizz se jkun qed jiġi offrut fi tliet reġjuni, f’Għawdex, fit-tramuntana ta’ Malta kif ukoll fin-nofsinhar ta’ Malta. Il-kliniċi li għandhom liċenzja f’dawn ir-reġjuni msemmija se jiġu mistiedna sabiex jipparteċipaw permezz ta’ rotazzjoni.

Is-servizz se jibda jingħata kull lejl bejn it-8.00 p.m. u t-8.00 a.m. kif ukoll bejn it-8.00 a.m. u t-8.00 p.m. fil-Ħdud u Festi Pubbliċi sakemm l-Isptar għall-Annimali f’Ta’ Qali jibda jopera b’mod permanenti.

Kliniċi veterinarji li għandhom liċenzja u l-kapaċità flimkien mad-dedikazzjoni biex jipprovdu servizzi ta’ emerġenza ta’ kwalità għolja huma mistiedna jesprimu l-interess tagħhom biex jingħaqdu f’din l-inizjattiva. Id-dettalji kollha tal-iskema, inkluż l-kriterji ta’ eliġibbiltà u r-rekwiżiti tas-servizz, jinsabu fid-dokumentazzjoni tal-Espressjoni ta’ Interess (EOI) li tista’ titniżżel mis-sit vsc.gov.mt.

Fil-jiem li ġejjin, il-Kunsill tas-Servizzi Veterinarji se jħabbar il-kliniċi veterinarji magħżula u li se jkunu qed jipparteċipaw fl-Iskema tas-Servizzi ta’ Emerġenza Veterinarji wara l-ħinijiet uffiċjali. Il-lista tal-kliniċi parteċipanti se tiġi ppubblikata fuq is-sit vsc.gov.mt. Dan sabiex jiġi żgurat it-trasparenza u tingħata informazzjoni ċara lill-pubbliku dwar fejn jistgħu jiksbu kura veterinarja ta’ emerġenza barra mill-ħinijiet tas-servizz normali.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo sostna li l-implimentazzjoni ta’ dan is-servizz huwa xhieda tal-viżjoni tal-Gvern fir-rigward tas-saħħa tal-annimali. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport