Wednesday, October 30, 2024

Għajnuna mill-Gvern lill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl

Iffirmat il-ftehim għal 'halfway house' fil-Birgu għar-rijabilitazzjoni tal-priġunieri u mħabbra estensjoni ta’ servizzi eżistenti

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u l-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl iffirmaw ftehim li permezz tiegħu se jissoktaw numru ta’ servizzi li l-Fondazzjoni diġà tagħti lill-priġunieri u lill-familji tagħhom, kif ukoll se jinħolqu servizzi oħrajn ġodda, fosthom twaqqif ta’ ‘halfway house’ fil-Birgu.

Kif kien ħabbar dan il-ġurnal, din id-dar se sservi bħala “waqfa għall-prriġunieri qabel imorru d-dar”. Il-Fondazzjoni se tkun qiegħda tilqa’ numru ta’ priġunieri fl-aħħar parti tas-sentenza tagħhom biex iwettqu programm ta’ riabilitazzjoni u formazzjoni qabel jerġgħu jirritornaw lura fis-soċjetà u mal-familji tagħhom.

Permezz ta’ dan il-ftehim il-Gvern se jkun qiegħed jinvesti aktar minn €1.1 miljun biex il-Fondazzjoni tkun tista’ tiftaħ din id-dar, kif ukoll tkompli tinvesti aktar fir-riabilitazzjoni tal-priġunieri u tgħin lill-familji tagħhom. Id-dar mistennija tiftaħ il-bibien tagħha u tibda topera minn Novembru li  ġej.

Apparti l-ftuħ ta’ dar ġdida, dan il-ftehim ukoll ra l-estensjoni ta’ żewġ servizzi oħra li l-Fondazzjoni diġà tagħti li huma – il-Programm ‘Locked Out’, li jgħin lill-familji tal-priġunieri, kif ukoll l-immaniġġjar tad-dar għall-familja fil-Marsa fejn il-priġunieri jkunu jistgħu jiltaqgħu ma’ wliedhom barra l-binja tal-ħabs.

Il-ftehim ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, li min-naħa tiegħu saħaq li, “il-proċess ta’ riabilitazzjoni huwa kruċjali ħalli mhux biss il-priġunieri jkunu jistgħu jaqbdu lura rotta tajba, iżda fuq kollox jgħin biex tonqos ir-rata ta’ reċediviżmu fil-komunità tagħna. Qegħdin nibqgħu ninvestu id f’id mal-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl fir-riabilitazzjoni ta’ dawk li qegħdin jiskontaw sentenza ta’ priġunerija permezz ta’ tliet proġetti. Tnejn minnhom diġà bdew jiffunzjonaw u t-tielet wieħed se naraw il-frott tiegħu proprju fix-xhur li ġejjin. Dawn il-proġetti huma l-proġett ‘Locked Out’, il-proġett tal-‘Family Room’ u issa anke dar ġdida li se tkun qiegħda tilqa’ priġunieri fil-fażi tar-riabilitazzjoni tagħhom,” temm il-Ministru Camilleri. 

Min-naħa tiegħu ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl, George Busuttil, b’sodifazzjon qal li permezz ta’ dan il-ftehim ġiet ikkonsolidata l-ħidma tal-Fondazzjoni qalb il-priġunieri. Busuttil qal li, “permezz ta’ dan il-ftehim se nkunu nistgħu nkomplu bil-proġetti li għandna li huma sessjonijiet ta’ terapija għall-familji tal-priġunieri li għandhom xi diffikultajiet. Se nkomplu wkoll nattrezzaw aħjar il-post li għandna fejn priġunieri jiġu jiltaqgħu mat-tfal tagħhom u se nlestu u se tibda topera r-residenza fil-Birgu li aħna qegħdin insejħu Dar bla Ħitan”.

Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Emmanuel Psaila, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Chris Siegeresma, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl George Busuttil u d-Deputat Chairperson tal-istess Fondazzjoni Matthew Agius.

Sport